Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, permezz ta’ delegazzjoni mmexxija mis-Segretarju Permanenti Chistopher Cutajar, ipparteċipa f’bosta laqgħat fil-Libja matul il-jiem ta’ bejn it-Tlieta 15 u l-Ħamis 17 ta’ Diċembru. Il-laqgħat saru fil-belt kapitali Tripli u l-belt ta’ Misurata.
Ġie diskuss il-kordinament bejn iż-żewġ pajjiżi fil-qasam tal-immigrazzjoni flimkien mad-Deputat Ministru tal-Intern Al Shaibani sabiex ikompli jkun imħares it-twettiq tal-ftehim ta’ kollaborazzjoni li sar iżjed kmieni din is-sena.
F’laqgħa mad-Direttur għall-Koperazzjoni Internazzjonali fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Ahmed Eddeb, id-delegazzjoni ddiskutiet ukoll metodi biex iż-żewġ partijiet ikunu jistgħu jħejju sabiex ikun hemm titjiriet diretti bejn Malta u l-Libja, bl-għan li jkun iżjed faċli li wieħed jasal u jiġi mil-Libja b’rispett sħiħ għall-miżuri tas-sigurtà meħtieġa. Dan għandu jwassal biex jerġa’ jibda jirpilja l-investiment Libjan f’Malta u dak Malti fil-Libja.
Ġewwa Misurata saret laqgħa mal-Gvern lokali, li matulha ġew diskussi r-rabtiet ekonomiċi li Malta tista’ ttejjeb ma’ din il-belt billi jkun iffaċilitat il-kummerċ bejn il-port ta’ Misurata u l-portijiet f’Malta, kif ukoll il-ħsieb li Malta taħseb biex ‘il quddiem ikollha konsulat li jopera minn hemmhekk. Id-delegazzjoni żaret ukoll il-Port Ħieles ta’ Misurata fejn ġew diskussi opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni li wieħed jista’ jikkultiva fil-qasam tat-trasport u l-ġarr tal-merkanzija bil-baħar.
Dawn iż-żjarat huma xhieda tal-isforzi li dan il-Gvern qed jagħmel sabiex jippromwovi l-kummerċ mal-Libja, għall-ġid taż-żewġ popli.