Ġenituri li jridu jirreġistraw lit-tfal tagħhom għall-kindergarten se jiġu megħjuna u se jkunu jistgħu jagħmlu dan online. Dan qalitu l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana waqt żjara fl-Iskola Primarja Laura Vicuna, fl-Għasri, Għawdex.
Hi stqarret, “Bħala ministeru dejjem infittxu li ngħinu u nagħmlu l-ħajja tal-ġenituri tal-istudenti tagħna aktar faċli kemm minħabba dan iż-żmien ta’ restrizzjonijiet tal-COVID imma wkoll billi ninsabu fil-jiem tal-festi”.
Il-Ministru Caruana kienet qed iżżur skola primarja oħra bi tkomplija tas-sensiela ta’ żjarat li qed tagħmel fl-iskejjel u fl-istituzzjonijiet kollha tal-pajjiż biex tiltaqa’ mill-qrib mal-edukaturi, mal-LSEs u mal-istudenti.
Tul ż-żjara tagħha l-Ministru Caruana fakkret li t-tfal li jagħlqu 3 snin sa April 2021 għandhom jiġu rreġistrati biex jibdew il-kindergarten 1 fi Frar li ġej, sat-Tnejn 4 ta’ Jannar 2021. Qalet li biex ikunu megħjuna l-ġenituri, u jkun iffaċilitat il-proċess, il-ġenituri se jkunu jistgħu jirreġistraw lit-tfal online u fil-jiem li ġejjin se jitħabbru aktar dettalji dwar dan il-proċess.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni qalet li kif il-ministeru għamel minn kollox biex f’Ottubru li għadda bdiet u kompliet b’suċċess is-sena skolastika li ninsabu fiha, qed issir ħidma wkoll għall-ftuħ tal-kindergarten.
L-Iskola Primarja Laura Vicuna hija mmexxija mis-sorijiet Salesjani u l-Kap tal-Iskola Cheryl Grech laqgħet lill-ministru u filwaqt li urietha l-faċilitajiet u dak li toffri l-iskola għall-istudenti, laqqgħatha wkoll mal-edukaturi u mal-LSEs li ddiskutew magħha x-xogħol tagħhom fl-iskola.
Il-Ministru Justyne Caruana kompliet iż-żjarat tagħha fl-Iskola Primarja ta’ San Lawrenz fejn ġiet milqugħa mill-Kap tal-Iskola Saviour Tabone. L-iskola tilqa’ studenti minn madwar l-Ewropa u minn pajjiżi oħra.