Għaxart ijiem oħra, jiġifieri fis-sebgħa u għoxrin ta’ Diċembru mistenni jibda jingħata l-vaċċin għall-kontra l-COVID-19.
Dan intqal mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt li kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti.
Dan qalu anki fl-isfond li l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, fuq twitter qalet li nhar il-Ħadd sebgħa u għoxrin ta’ Diċembru ser jibdew jitlaqqmu l-ewwel nies madwar l-Unjoni Ewropea.
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne kompla ma’ dak li qal l-Erbgħa fuq ONE Radio, hekk kif spjega kif in-nies se jibdew jirċievu l-inviti u jkunu notifikati minn madwar ħamest ijiem jew ġimgħa qabel biex imorru ħalli jitlaqqmu.
Il-Ministru Fearne stqarr, “Il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea jibdew it-tilqim fl-istess ġurnata, jiġifieri l-pjan hu fl-21 ta’ Diċembru jkun hemm l-awtorizazzjoni mill-EMA. Fil-ġranet ta’ wara jkun hemm l-endorsement mill-pajjiżi Ewropej kollha, li mhux qed naraw li mhux se tkun problema. Imbagħad fis-27 jaslu l-ewwel tilqim. Irridu ngħidu li mhux se jkun il-poplu kollu fl-istess ġurnata u fl-istess ġimgħa, imma l-ewwel batches żgħar anke minħabba li rridu nżommuh f’-70, allura mal-Ewropa kollha ħa jsir test run għall-ewwel ġranet.”
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal mal-ġurnalisti li pajjiżna huwa ppreparat u spjega lil min se jkunu qed jingħataw l-ewwel dożi ta’ din it-tilqima.
“Għandna l-kontinġenza kollha u l-loġistika kollha ppjanata. Nista’ ngħid l-ewwel li ħa nibdew f’day one ħa jkunu staff mill-ITU u mill-emergenza u mill-IDU ta’ dan l-isptar. Fit-tieni ġurnata se jkunu staff mill-Isptar ta’ Għawdex, mill-Isptar Monte Carmeli u l-Primary Care u imbagħad inlaqqmu l-carers u l-anzjani ġod-djar tal-anzjani”, Sostna l-Ministru.
Meta mistoqsi mill-ġurnalisti dwar l-unjin tal-infermiera u l-qwiebel, id-Deputat Prim Ministru qal id-diskussjonijiet bejn iż-żewġ naħat mexjin fid-direzzjoni t-tajba anki kif il-vaċċin jinsab fuq l-għatba.
Il-Ministru Fearne tenna, “Rigward il-kwistjoni mal-MUMN, jiena din il-ġimgħa kelli diskussjonijiet mal-MUMN. Id-diskussjonijiet jidher li mexjin fid-direzzjoni t-tajba, filfatt bħalissa m’hemmx azzjonijiet industrijali mill-MUMN u l-pjan hu li jkollna diskussjonijiet oħra qabel il-Milied.”