B’investiment ta’ nofs miljun ewro l-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl ser tkun qed toffri għajnuna b’xejn lill-priġunieri u lill-familthom.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet il-Ħamis f’nofshinar, fejn ġie spjegat li għal diversi snin meta persuna tingħata sentenza ta’ priġunerija, il-qraba tagħha, partikolarment it-tfal, jgħixu dik l-esperjenza mingħajr wisq gwida, għajnuna jew intervent professjonali.
Minn barra dan l-effett negativ fuq il-familja, dan iħalli impatt ukoll fuq il-priġunieri nfushom li mingħajr appoġġ tal-familja jsibu ż-żmien fil-ħabs bħala aktar diffiċli u għalhekk it-triq tar-rijabilitazzjoni tkun aktar ta’ sfida.
Iżda b’dan l-investiment dan kollu ser jinbidel, fejn f’kummenti ma’ dan l-istazzjon, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl, George Busuttil, spjega x’problemi qed jaffaċjaw bħalissa.
Is-Sur Busuttil stqarr, “Meta priġunier jitlef l-appoġġ tal-familja hemm ċansijiet kbar li jirrepeti dak li jkun għamel u r-riċedività tikber. L-istess nafu meta għamilna riċerka li meta persuna tispiċċa l-ħabs il-familja tgħaddi minn perjodu ta’ tgerfix li din l-għajnuna li se nagħtu aħna hija biex tnaqqas minn dawn il-problemi.”
Huwa semma li dan kollu se jsir fuq ħames miżuri, fosthom sessjonijiet ta’ terapija, terapija fi gruppi u psikoterapija individwali u speċjalizzata.
Hu spjega, “Il-programm se jaħdem propju jipprovdi sezzjonijiet ta’ terapija kemm lill-priġunier waqt li qiegħed il-ħabs kif ukoll lill-familja tiegħu fuq barra. Ukoll ikun hemm sezzjonijiet meta l-affarijiet jiżviluppaw fejn il-familja u l-priġunier flimkien waqt li qiegħed il-ħabs ukoll ikollhom sezzjonijiet ta’ terapija mill-professjonist.”
Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri spjega kif mingħajr din l-għajnuna, diversi ġenerazzjonijiet mill-istess familja kienu qed ixellfu difrejhom mal-ġustizzja.
Il-Ministru Camilleri sostna, “Ir-riċerka turina li wieħed minn kull tliet priġunieri jkollu membri tal-familja tiegħu illi jkunu wkoll priġunieri jew inkellha fil-passat kienu priġunieri, Għaldaqsant jeħtieġ li naraw li l-priġunier ikun rijabilitat, tingħata l-għajnuna lill-familja u fl-istess ħin li nżommu f’moħħna jeħtieġ issir ġustizzja mal-vittma sabiex ladarba dak il-priġunier joħroġ mill-ħabs ta’ Kordin ma jkollnix it-tieni vittma.”