Fil-Kunsill Lokali tal-Ħamrun se jkun qed jinfetaħ ċentru apposta għall-Università tat-terza età.
Dan qed iseħħ f’kollaborazzjoni bejn l-Università ta’ Malta u l-Ministeru għall-Anzjanità Attivà.
Fl-Università ta’ Malta, waqt l-iffirmar ta’ ftehim għal ftuħ tat-tmien ċentru, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal li taf kemm taf mhux biżżejjed iżda saħaq li xorta waħda huwa importanti li l-anzjani jibqgħu attivi.
Qal kif l-Università tat-terza età tindirizza diversi ħtiġijiet għall-anzjani hekk kif tagħmel ħajjithom aktar attiva, anki fl-aspett mentali.
Il-Ministru Farrugia stqarr, “Qegħdin naħdmu ħafna fuq il-bidliet kollha li hemm bżonn strateġija għas-seba’ snin li ġejjin fejn tidħol l-anzjanita attivà illi allura tinkorpora kollox. Illi l-anzjan qatt mhu tard għalih biex isir jaf anke affarijiet li forsi kien iżgħar ma kienx jagħti każ.”
Min-naħa tiegħu r-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred Vella qal kif bħala istituzzjoni, l-Università qed tikkommetti ruħha biex tmur viċin l-anzjani. Innota wkoll kif l-Università mhijiex biss f’Tal-Qroqq imma trid tkun kemm jista’ jkun f’kull belt u f’raħal.
Il-Professur Vella sostna, “L-anzjani tagħna nagħtuhom servizz ta’ tagħlim u informazzjoni u żvilupp, illi jgħinhom jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar, ‘il għaliex, nerġa ngħid huma parti importanti mis-soċjetà u l-università ma tistax tinsa illi jeżistu.”