Il-Parlament Ewropew approva l-Budget Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin.
Dan permezz ta’ 548 vot favur, 81 kontra u 66 astensjoni fuq id-dokument maqbul fil-Kunsill Ewropew fl-10 ta’ Novembru.
B’hekk b’din l-approvazzjoni, il-fondi Ewropej issa jistgħu jibdew jingħataw u jtejbu l-ħajja taċ-ċittadini Ewropej sa mill-bidu tas-sena d-dieħla.
Dan il-Budget Ewropew ikopri l-perjodu ta’ bejn l-2021 u l-2027.
Kien f’Lulju li għadda li l-Prim Ministru Robert Abela f’isem pajjiżna nnegozja l-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej li qatt kiseb pajjiżna f’summit mill-aktar intensiv.
Fil-fatt minkejja s-suċċess ekonomiku li rnexxielha tikseb Malta fl-aħħar snin, il-Prim Ministru Robert Abela kiseb allokazzjoni ta’ żewġ biljun u mitejn u ħamsin miljun ewro għal pajjiżna.
F’Ottubru pajjiżna kiseb €20 miljun addizzjonali fil-fond ta’ rkupru mill-pandemija msejħa ‘ReactEU.’