L-Erbgħa filgħaxija l-Parlament approva l-Budget għas-sena li ġejja.
Dan f’seduta parlamentari li ħadet madwar ħames sigħat.
Il-budget għadda fosthom bil-vot favur tad-deputati tal-Gvern u anki minkejja li d-deputati tal-Oppożizzjoni vvutaw kontra l-budget.
Sitta u tletin deputat ivvota favur u sebgħa u għoxrin deputat ivvota kontra.
Fl-aħħar seduta għal din is-sena, li kienet ddedikata kollha għall-Budget 2021, il-Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra vvutaw fuq id-diversi miżuri minn oqsma differenti mħabbra fis-19 ta’ Ottubru li għadda mill-Ministru għall-Finanzi.
Filwaqt li d-deputati tal-Gvern ivvutaw favur il-budget, id-deputati tal-Oppożizzjoni vvutaw kontra.
Fil-fatt il-Budget, l-ewwel wieħed tal-Prim Ministru Robert Abela, kien deskritt bħala l-akbar wieħed li qatt ġie ppreżentat minn Gvern Laburista u b’ruħ soċjali. L-imsieħba soċjali kollha kienu faħħru dan il-Budget li tħabbar f’kuntest ta’ pandemija.
Fost il-miżuri ewlenin li fih, il-Budget għas-sena d-dieħla jinkludi; żieda oħra fil-pensjonijiet, żieda fiċ-children’s allowance u t-tkomplija tal-investiment qawwi fl-infrastuttura ta’ pajjiżna.
Dan apparti il-miżuri kruċjali b’rabta mal-pandemija, fosthom l-estensjoni tal-Covid-Wage Supplement, it-tieni rawnd ta’ vouchers tal-mitt ewro biex ikomplu jinċentivaw il-konsum u t-tnaqqis fit-taxxa tal-boll fuq xiri ta’ propjetà.
Hekk kif din kienet l-aħħar seduta għal din is-sena issa l-Parlament se jkun qed jaġġorna għall-vaganzi tal-Milied.