Id-deputat Nazzjonalista Mario De Marco kien fost dawk li awgura lill-Professur Edward Scicluna, li issa se jkun qed jokkupa l-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali.
Ftit tal-ġimgħat ilu, meta l-Gvern ħabbar li qed jinnomina lil Edward Scicluna għall-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, fuq ix-xandir nazzjonali, Mario De Marco awgura lill-Professur Scicluna.
De Marco qal, “Jiena qabel xejn nixtieq nawgura minn hawnhekk lil Edward għal kariga ġdida tiegħu.”
Dan it-ton ta’ diskors, Mario De Marco malajr biddlu hekk kif fil-jiem li għaddew mar biex jindirizza konferenza tal-aħbarijiet kontra n-nomina tal-Professur Scicluna.
De Marco attakka lill-Professur Scicluna biex wara esperjenza twila fil-qasam finanzjarju, saħansitra Ministru għall-Finanzi fejn pajjiżna rreġistra surplus wara l-ieħor, issa kien innominat biex imexxi l-Bank Ċentrali.
“Allura ejjew nifhmu meta qed jiġi propost in-nomina ta’ Edward Scicluna għall-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, m’aħniex qed nitkellmu dwar nomina qual si a si. Hawnhekk qed naraw eżerċizzju ieħor ta’ Gvern Laburista fil-politika ta’ revolving doors.” Qal De Marco.
Fil-jum tat-Tnejn, il-kumitat parlamentari għall-ħatriet pubbliċi approva n-nomina tal-Professur Edward Scicluna.
Issa se jkun rakkomandat biex il-Prim Ministru jaħtar lill-Professur Scicluna bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali.
F’laqgħa tal-kumitat parlamentari, il-membri tal-Gvern ivvutaw favur in-nomina ta’ Scicluna iżda kif kien dikjarat qabel, il-membri tal-Oppożizzjoni vvutaw kontra l-Professur Edward Scicluna.