L-Oppożizzjoni Nazzjonalista għadha bla pożizzjoni dwar l-abbozz ta’ liġi li ressaq il-Gvern b’emendi fil-kundizzjonijiet marbuta mal-kisba tad-divorzju.
Wara li nhar il-Ħadd, il-Kap Nazzjonalista saħaq li l-Oppożizzjoni għadha trid tiddiskuti dwar l-emendi fil-liġi tad-divorzju biex din tifhem ir-realtajiet tal-familji tal-lum, fuq ix-xandir tal-istat, il-kandidata Nazzjonalista Graziella Attard Previ kkonfermat li l-grupp parlamentari Nazzjonalista għad irid jiddiskuti.
Il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard stqarret, “Hemm grupp parlamentari magħqud favur dan l-abbozz, favur l-emendi. Issa jekk issir diskussjoni, għax jiena qed nimmaġina li diskussjoni tkun saret internament fil-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista. Jiġifieri x’inhi l-pożizzjoni?”
Graziella Attard Previ wieġbet, “Il-grupp parlamentari għadu se jiltaqa’”
“Eh għadu ma ltaqax dwar dan?” Saqsiet Attard.
“Il-pożizzjoni toħroġ ġaladarba jkun hemm din id-diskussjoni u jiltaqa’.” Qalet Attard Previ.
Saħansitra, fil-programm li fih tkellmet ukoll il-President tal-Partit Laburista Dr. Ramona Attard, li qalet li l-Kabinett u l-grupp parlamentari Laburista huwa favur b’mod unanimu dwar il-bdil fil-liġi tad-divorzju, Attard Previ saħqet li b’mod differenti, il-grupp parlamentari Nazzjonalista għadu mhux magħqud dwar pożizzjoni favur li jonqos iż-żmien għall-kisba tad-divorzju.
Dr Attard sostniet, “Jiġifieri jekk qed nifhem sew il-Partit Nazzjonalista kollu, il-grupp parlamentari kollu huwa magħqud biex jitnaqqas iż-żmien.” u Attard Previ wieġbet, “M’iniex qed ngħid hekk.”
Il-President tal-Partit Laburista saqsiet, “Le m’intix qed tgħid hekk jaqaw?”
Attard Previ wieġbet, “Le m’iniex qed ngħid hekk, jiġifieri dak qed tgħidu inti.”
F’mument minnhom, Graziella Attard Previ bdiet titkellem dwar proposta oħra fuq il-manteniment iżda anki hawn, l-ewwel semmiet proposta imbagħad qalet li l-Oppożizzjoni għadha trid tiddiskuti biex toħroġ b’pożizzjoni.
Attard Previ qalet, “Il-proposta tal-manteniment hija illi li tittieħed ukoll inkunsiderazzjoni illi għandiex tiddaħħal ukoll. Le f’dan l-istadju jekk għandiex tiddaħħal fl-abbozz.”
Dr Attard sostniet, “Imma x’inhi l-proposta?” u Attard Previ qalet, “Illi jaraw isibux mudell, pereżempju fil-Ġermanja hemm mudell illi jintuża.”
Attard reġgħet saqsiet, “Imma proposta legali jew ħa tkun proposta oltre legali, biex nifhem?”
Graziella Attard Previ qalet, “Tista’ tiddaħħal fl-abbozz, pero kif għedt tajjeb inti illi jekk inti għandek, pero bħalissa qegħdin nitkellmu fuq l-abbozz u li tidħol.”
“U x’se tkun il-proposta?” staqsiet il-President tal-Partit Laburista u Graziella Attard Previ wieġbet, “Ifhmni din hija xi ħaġa għadha li qed tiġi diskussa, mela aħna semmejniha.”
Aktar qabel fil-programm ippreżentat minn Brian Hansford, tkellmet l-avukat Deborah Schembri, li kienet minn ta’ quddiem biex imbuttat id-dħul tad-divorzju, kważi għaxar snin ilu.
Hija qalet li kien ikun aħjar li l-bdil propost daħal għaxar snin ilu mal-ewwel iżda kellu jinstab kompromess mal-Gvern ta’ dak iż-żmien, immexxi minn Lawrence Gonzi li saħansitra kien ivvota kontra r-rieda tal-poplu f’referendum.
Deborah Schembri spjegat kif bil-liġi mressqa fil-Parlament se jonqos iż-żmien għall-kisba tad-divorzju fejn fost oħrajn min hu separat legalment, se jkun jista’ jiddivorzja minnufih iżda imbagħad jeżistu xenarji oħra.
Schembri spjegat, “Fejn inti għandek iż-żewġ partijiet illi huma separati, aħna ngħidulhom defacto, jiġifieri bħala stat ta’ fatt huma separati, għalkemm għadhom mhux separati bil-liġi, hemmhekk jekk it-tnejn jaqblu ż-żmien ġie mqassar għal sitt xhur mill-aħħar sena, mela l-partijiet iridu jkunu ilhom mifrudin sitt xhur mill-aħħar sena. Jekk iż-żewġ partijiet ikunu għaddejin xorta minn separazzjoni defacto imma mhux it-tnejn japplikaw għal divorzju, tapplika parti waħda biss, irid ikun ilhom sena mill-aħħar sentejn.”