In-nomina tal-Professur Edward Scicluna għall-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta ġiet approvata mill-kumitat parlamentari għall-ħatriet pubbliċi.
Issa se jkun rakkomandat biex il-Prim Ministru jaħtar lill-Professur Scicluna bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali.
F’laqgħa tal-kumitat mmexxi mid-deputat Anthony Agius Decelis, illum wara nofsinhar, il-membri tal-Gvern ivvutaw favur in-nomina ta’ Scicluna iżda kif kien dikjarat nhar is-Sibt f’konferenza tal-aħbarijiet, il-membri tal-Oppożizzjoni vvutaw kontra l-Professur Edward Scicluna.
Fil-laqgħa tal-kumitat parlamentari kien hemm bosta mistoqsijiet dwar il-ħidma li qed jara li għandha ssir mill-Gvernatur il-ġdid.
Fil-ħin tal-mistoqsijiet, kien hemm bosta mistoqsijiet mid-deputati tal-Oppożizzjoni li kienu partiġjani u li d-deputati tal-Gvern, il-Ministru Clayton Bartolo, il-Whip tal-Gvern Glen Bedingfield u anki d-deputat Joe Mizzi ġibdu l-attenzjoni li hawnhekk irridu nixtarru xi kredenzjali għandu l-Professur Scicluna biex jokkupa l-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali.
Il-Professur Edward Scicluna tkellem fost oħrajn dwar miżuri li ħadem dwarhom u li fihom kien hemm involut il-Bank Ċentrali fosthom il-moratorju li ngħata lin-nies li qed iħallsu s-self li ħadu fuq il-proprjetà.