Ġie inawgurat it-tieni fibre optic cable bejn Malta u Għawdex. Fibre Optic Cable li ser jara żieda qawwija fil-konnettività ta’ Għawdex mal-kumplament tad-dinja u jżid l-opportunitajiet ta’ investiment u negozju fil-gżira tat-tliet għoljiet. Dan b’investiment ta’ €4 miljun.
Il-Prim Ministru Robert Abela li kien preżenti għall-iffirmar stqarr li l-Gvern għandu viżjoni ambizzjuża għal Għawdex. Spjega kif amministrazzjonijiet preċedenti telqu lil Għawdex. Skont statistika tal-Eurostat meta Malta ingħaqdet mal-Unjoni Ewropea wara tmien snin il-ġid nazzjonali ras għal ras waqa’ minn 51% tal-Medja Ewropea għal 50%. Dan għalkemm Malta kienet rat tkabbir.
Innota kif Gvern Laburista wara l-2013 sema’ lill-Għawdxin u beda jpatti għal żbalji li saru minn amministrazzjonijiet preċedenti fil-passat. Innota kif fl-aħħar snin sar tkabbir kbir fil-gżira Għawdxija. Madankollu, qal li għad hemm differenza mhux ġustifikata bejn Malta u Għawdex. Huwa wiegħed li Għawdex ser ikun qed jagħmel l-istess suċċess ekonomiku li għamlet Malta fl-aħħar snin. Spjega kif fi żmien il-pandemija l-ekonomija f’Għawdex qed turi reżiljenza ikbar f’dan iż-żmien. Stqarr li l-bidla hija karatteristika li tiddefinixxi x-xogħol ta’ dan il-Gvern u f’Għawdex hekk ser ikun qed isir. Dan il-ftehim huwa parti mit-tisħiħ tal-gżira Għawdxija.
Il-Prim Ministru Robert Abela tenna dwar l-importanza ta’ link permanenti bejn Malta u Għawdex permezz tal-mina. Stqarr li ma jistax jibqa’ jkollna sitwazzjoni fejn ikollna żewġ rati ta’ ekonomija f’Għawdex, waħda matul il-ġimgħa u l-oħra fi tmiemha. Link permanenti tara differenza f’dan ir-rigward.
Stqarr li madankollu hemm bżonn ta’ tisħiħ infrastrutturali sabiex dan it-tkabbir ikun possibli u dan il-fibre optic cable huwa parti minn dan it-tisħiħ.
Stqarr li fil-gżira tat-tliet għoljiet ser naraw bidla ekonomika iżda l-viżjoni hija ċara, dan il-Gvern irid li Għawdex tibqa’ l-ġawrha li hi u żżomm is-sbuħija naturali tagħha.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia spjega kif dan it-tieni Fibre Optic Cable bejn Malta u Għawdex ser ikun qed jattira iżjed intrapriżi u investiment fil-gżira tat-tlett għoljiet. Dan hekk kif issa li dan il-cable qiegħed jaħdem, ġie iffirmat ftehim mat-tliet kumpaniji prinċipali ta’ telekomunikazzjoni li ser ikunu qed joperaw permezz ta’ dan il-fibre optic cable.
“Il-business f’Għawdex ser ikun jista’ jopera b’mod ħafna iktar ta’ sostenibbilitá u anke b’mod ħafna iktar ‘reliable’ f’dak li għandu x’jaqsam ma’ internet. B’hekk ifisser li Għawdex ser ikun magħqud aħjar mal-bqija tad-dinja anke fis-servizz li jkun offrut u ser jiġi offrut ġewwa Għawdex.”
Preżenti għat-tnedija kien hemm il-Ministri Clint Camilleri, Miriam Dalli u Silvio Schembri.