Il-Professur Anthony Serracino Inglott ġie rrikonoxxut fuq skala internazzjonali għall-ħidma tiegħu fil-qasam tal-farmaċewtika. Dan wara li l-Professur rebaħ premju internazzjonali mis-Soċjetà Amerikana għall-Ispiżjara.
Apparti l-karriera bħala lettur fl-Università ta’ Malta, il-Professur Serracino Inglott ikkontibwixxa għall-iżvilupp ta’ sistemi tal-mediċini madwar id-dinja kollha. Apparti minn hekk, ħadem viċin ta’ diversi Ministri tas-saħħa u l-edukazzjoni, u pparteċipa wkoll f’diversi laqgħat fl-Organizzazzjoni dinjija tas-saħħa.
F’kummenti ma’ ONE News, il-Professur Serracino Inglott spjega b’umiltà l-vjaġġ akkademiku u professjonali li ġabu għal dan il-premju. Spjega li fl-Amerka, kien studja sabiex ġab id-dottorat fil-mediċina u wara li sar speċjalista, beda jgħallem fl-Università ta’ Malta.
Il-Professur stqar li dan il-premju hu sinifikanti għaliex iservi sabiex jaspira liż-żgħażagħ sabiex ikomplu jistudjaw f’dan il-qasam tant nobli.
Qal kif, “Is-sinifikanza hija li turi l-istudenti kollha tagħna, lil min jitħajjar li jkompli jagħmel ir-riċerka u l-innovazzjoni, bix-xogħol li wieħed jista’ jsir fl-Università ta’ Malta u kif wieħed jista’ jiġi rrikonoxxut bl-iżjed mod għoli f’dan il-qasam.”
Il-Professur Serracino Inglott għamel appell liż-żgħażagħ, filwaqt li ddedika dan il-premju prestiġjuż għall-istess żgħażagħ.
Spjega kif, “Niddedika dan il-premju lill-istudenti tiegħi u l-kollegi tiegħi li mingħajrhom aħna m’għandniex għalfejn neżistu. Aħna nagħtu kollox lill-istudenti tagħna. Jien niggarantixxi lil dawk l-istudenti li jieħdu din il-linja tal-farmaċija, li qed jidħlu fi professjoni nobbli, professjoni li fiha tista’ tagħmel ħafna riċerka, u li biha tista’ tagħmel kontribut dirett lill-pazjent.”