Proġetti u siti ambjentali f’pajjiżna ser jibda jkun taħt l-għajn ta’ rangers ambjentali. Dan hekk kif tnieda proġett pilota ta’ rangers ambjentali b’reklutaġġ inizjali ta’ 3 uffiċjali.
Bħala parti minn dan il-proġett ir-rangers ambjentali se jingħatalhom taħriġ filwaqt li jkollhom tagħrif fuq il-flora u l-fawna lokali. Dan apparti li jkunu wkoll imħarrġa fuq ir-regoli relatati mal-protezzjoni ta’ green areas, fuq l-involviment tal-komunità, kif ukoll fuq ir-riskji eżistenti għall-ambjent lokali.
Ir-rangers se jaħdmu taħt id-direzzjoni tat-Tim Xjentifiku ta’ Ambjent Malta, li huwa responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ proġetti ambjentali f’siti Natura 2000 u żoni rurali oħra, u l-iżvilupp ta’ infrastruttura ħadranija.
“Ix-xogħol ta’ dawn ir-rangers ser ikun ukoll sabiex jassiguraw li jgħallmu u jagħtu informazzjoni lill-pubbliku dwar l-ispeċi u l-biodiversità tal-abitat fil-post konċernat,” qalet id-Direttur tal-proġetti ambjentali Josianne Muscat.
Tkellimna wkoll ma’ Joseph Debono, wieħed mir-rangers f’dan il-proġett hekk kif spjega l-funzjonijiet ewlenin ta’ infurzar f’xogħlu.
“L-aktar ħaġa importanti hija li se nedukaw lill-poplu u fejn naraw vandaliżmu, illegal dumpings, bbq’s, camping, off-roading, xogħolna huwa li nirrappurtaw u li naraw li kulħadd iżomm mal-liġi kif suppost,” qal Debono.
Il-Ministru Aaron Farrugia spjega wkoll kif is-sena d-dieħla ser ikun hemm aktar sejħiet għal aktar rangers ambjentali.
“Dan huwa l-bidu fis sena li ġejja ħa naraw ingaġġ ikbar hekk kif ħa naraw 10 environmental rangers li ser jingħaqdu ma’ dawn it-3 biex b’hekk pajjiżna mhux biss ikollu proġett ambjentali b’saħħithom imma wkoll ikollu infurzar b’saħħtu,” sostna l-Ministru Aaron Farrugia.