F’waħda miż-żewġ bokok tas-Sede tas-Soċjetà Filarmonika ta’ Lourdes fil-Qrendi, xelter ta’ żmien it-tieni gwerra dinjija qed jerġa’ jingħata l-ħajja, fi proġett li huwa maqsum f’żewġ fażijiet.
L-ewwel fażi ta’dan il-proġett ġie inawgurat mill- Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli, li kienet strumentali biex aktar kmieni din is-sena seta’ jinbeda dan il-proġett.
Din il-fażi kienet tikkonsisti fi tneħħija ta’ materjal, tindif tal-post, kisba ta’ titjib fl-aċċessibbiltà permezz ta’ turġien kif ukoll l-installazzjoni tad-dwal. Fuq din il-fażi, li matulha tneħħew 38 tunnellata ta’ materjal, ħadmu 20 ħaddiem mit-Taqsima tal-Manutenzjoni u Tindif fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Indafa Pubblika u l-Protezzjoni tal-Konsumatur.
L-Istoriku Militari u ċ-Chairman tal-Fondazzjoni Wirt Artna, Mario Farrugia spjega kif dan ix-xelter għandu karatteristika partikolari.
Huwa qal, “Normalment ix-xelters tat-Tieni Gwerra Dinjija ssibhom illi l-gallariji prinċipali ma jkunux iktar minn żewġ metri fil-fatt dawn huma ħafna iktar minn hekk illi hija karatteristika partikolari ħafna. Fil-fatt mhijiex komuni ssibha f’xi xelters oħrajn però fil-każ partikolari t’hawnhekk naturalment huwa pjuttost uniku.”
Hu żied jgħid li dan ix-xelter, li tħaffer kollu bl-idejn, inbena sabiex bħal xelters oħrajn madwar pajjiżna jagħti refuġju lir-residenti tal-Qrendi kontra l-attakki tal-gwerra.
Qal wkoll li dan ix-xelter tkabbar matul is-snin għaliex il-Qrendi laqa’ ħafna refuġjati matul is-snin u b’hekk kien hemm bżonn ta’ tkabbir.
Il-Ministru Farrugia spjegat kif issa se tibda t-tieni fażi fejn dan ix-xelter se jinbidel f’mużew.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari, Deo Debattista, li wkoll kien preżenti għal din l-inawgurazzjoni, saħaq li dan ix-xelter ifakkarna fil-ħidma ta’ missirijietna kif ukoll fl-istorja ta’ pajjiżna
Il-President tas-Soċjetà Filarmonika ta’ Lourdes, Mannie Galea, kellu kliem ta’ tifħir għal ħidma tal-awtoritajiet.
Hu stqarr, “Din kienet esperjenza ħajja li llum aħna qegħdin nerġgħu nirxuxtawha, qegħdin intuha l-ħajja biex tibqa’ titgawda minn nies tal-lum u mill-ġenerazzjoni li għad trid tiġi. Nixtieq nirringrazzja lill-awtoritajiet li għenuna sabiex din il-ħolma ssir realtà.”