Il-priġunieri li qed jiskontaw sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, kellhom l-opportunità li jiltaqgħu u jitkellmu mal-Kardinal Mario Grech, li ddeskriva din iż-żjara bħala waħda ta’ kuraġġ.
Il-Kardinal Mario Grech qal, “Aħna lkoll bnedmin u allura l-għaġna tagħna hija dgħajfa u allura hija ħaġa tajba li fis-soċjetà tagħna, in-nazzjon tagħna, jipprovdilna l-mezzi biex nikkoreġu lilna nfusna u nippruvaw inkomplu nikbru.”
Il-Kardinal Għawdxi qal li fil-priġunieri ra sens ta’ determinazzjoni biex jirriformaw lilhom infushom.
Huwa sostna, “Minkejja kollox, indunajt li f’għajnejn il-priġunieri hemm rieda, xewqa, li jtejbu lilhom infushom u jikkontribwixxu għas-soċjetà.”
Il-Kardinal kellu wkoll messaġġ għall-priġunieri, u qalilhom li l-Papa jaħseb fihom.
Huwa tenna, “Qabel tlaqt minn Ruma kelli laqgħa mal-Papa u għidtlu li kont ġej nagħmel din iż-żjara u qalli espressament biex inwassal il-barka miegħu lil din id-dar.”
Meta laqa’ lill-Kardinal, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri, irringrazzjah li għażel il-faċilità korrettiva għal waħda mill-ewwel żjarat tiegħu wara li ngħata dan l-irwol tant importanti fil-ġerarkija tal-Knisja mill-Papa Franġisku.
Huwa stqarr, “Flimkien kellna ċ-ċans li mhux biss nilqgħu fostna lill-Kardinal Mario Grech iżda wkoll li nisimgħu quddiesa flimkien u l-priġunieri kellhom iċ-ċans li jiltaqgħu u jitkellmu mal-Kardinal Mario Grech. Kellna ċ-ċans ukoll li nitkellmu fuq ix-xogħol li qed isir ġewwa din il-faċilità u kif bi ħsibna nkomplu ntejbu.”