Il-ħlas taċ-Children’s Allowance, l-Għajnuna Supplimentari u l-Foster Care Allowance beda jingħata minn issa minkejja li huma miżuri fil-Budget għas-sena d-dieħla.
Ħabbar dan il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal f’konferenza tal-aħbarijiet is-Sibt filgħodu, fejn ġie spjegat kif dawn it-tliet miżuri qed jiġu attwati tliet ġimgħat qabel il-perjodi li huma koperti b’dan il-ħlas.
Dwar l-għajnuna taċ-Children’s Allowance, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Mark Musù, spjega li din ingħatat lil aktar minn erbgħin elf familja li bejniethom jinkludu sittin elf, mitejn u erbgħa u ħamsin wild.
B’kollox din il-miżura se tiswa lill-Gvern, aktar minn għaxar miljun ewro fis-sena.
It-tieni miżura li daħlet fis-seħħ minn issa għall-perjodu ta’ bejn Jannar u Marzu hija dak tal-Għajnuna Supplimentari, li qed jirċevuha aktar minn wieħed u għoxrin elf benefiċċjarju fosthom sebat elef, mija u sebgħa u disħgin koppja b’nefqa ta’ kważi tliet miljun ewro.
B’kollox allura qed jibbenefikaw tmienja u għoxrin elf, erba’ mija u erbgħa u għoxrin persuna. Persuni oħrajn jistgħu jibbenefikaw minn din il-miżura matul is-sena.
Kważi ħmistax-il elf mill-benefiċċjarji msemmija għandhom aktar minn ħamsa u sittin sena, u għalhekk ikkwalifikaw ukoll għas-Suppliment ta’ mija u ħamsin ewro fis-sena.
Is-Segretarju Permanenti, Mark Musù spjega, “B’kollox qed jibbenefikaw aktar minn 60,000 tifel u tifla jew aktar minn 40,000 familja miż-żidiet fiċ-Children’s Allowance waqt li qed igawdu wkoll kważi 29,000 persuna li għandhom dħul baxx fosthom l-anzjani.”
It-tielet u l-aħħar għotja li bdiet tingħata minn issa u li se tkun imqassma f’erba’ pagamenti fis-sena hija dik tal-Foster Care Allowance.
Din l-għajnuna żdiedet b’għaxar ewro fil-ġimgħa biex telgħet għal mija u għaxar ewro fil-gimgħa.
B’kollox mija u tmienja u sittin familja b’mitejn u sitta u għoxrin wild se jgawdu minn din il-miżura li se tiswa lill-Gvern aktar minn tlieta mija u għoxrin elf ewro.
Il-Ministru Michael Falzon spjega kif din il-ħeffa fl-implimentazzjoni ta’ aktar għajnuna finanzjarja soċjali turi kemm verament dan huwa Gvern b’ruħ soċjali.
Fakkar ukoll kif amministrazzjonijiet Nazzjonalisti preċedenti kienu ffriżaw l-għajnuna soċjali.
B’differenza, Gvern Laburista mhux biss iwiegħed, iżda jwettaq u jgħin lill-poplu Malti u Ghawdxi kollu.
Il-Ministru Falzon sostna, “Din is-sena attwalment mill-Budget tas-sena li għaddiet kellna 26 miżura fil-qasam ta’ dan il-Ministeru li wettaqniehom kollha u għandna l-istess impenn li nibqgħu naraw kif se ngħinu lin-nies. Bil-miżura tal-lum mhux biss qed inwettqu dak li għidna imma qed inħallsu minn qabel €13,000,000 fil-bwiet tan-nies.”