Il-pulizija qed tinvestiga serqa li saret il-Ġimgħa f’ħanut fi Triq il-Kostituzzjoni l-Mosta għall-ħabta tas-6:30 ta’ filgħaxija.
Minn stħarriġ preliminari li sar mill-pulizija jidher li raġel armat b’arma tan-nar daħal fil-ħanut u talab il-flus lill-kaxxier, filwaqt li raġel ieħor qagħad fil-bieb tal-ħanut.
Il-kaxxier fil-ħanut kien Indjan ta’ 36 sena li jgħix Bormla.
L-irġiel ħarbu minn fuq il-post wara li serqu ammont ta’ flus kontanti u top-up cards.
Il-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello ġiet informata bil-każ u ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet dwar is-serqa qed isiru mill-Pulizija tad-Distrett u l-Iskwadra tar-Reati Maġġuri.