Matul is-sena d-dieħla r-residenti tal-Kottonera kif ukoll dawk tal-Kalkara u tal-Fgura, ħa jkunu jistgħu jżuru żewġ siti storiċi kemm jixtiequ, mingħajr ħlas.
Dan intqal f’konferenza tal-aħbarjiet fil-Forti Rinella fejn preżenti kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, José Herrera, iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera, Glenn Bedingfield, kif ukoll iċ-Chairman tal- Fondazzjoni Wirt Artna, Mario Farrugia.
Ma’ din il-kamra tal-aħbarjiet, is-Sur Farrugia spjega kif in-nies tal-Kottonera u tal-madwar ħa jkunu jistgħu jżuru l-Forti Rinella kif ukoll il-Malta at War Museum permezz ta’ voucher li ħa jintbagħat fid-djarhom.
Qal kif, “Kull ma jridu jagħmlu ovjament huwa li jġibu l-voucher u jġibu magħhom l-karta tal-identità li ovjament turi li huma jgħixu fil-Kottonera jew nkella fl-irħula jew l-Belt ta’ Ħaż-Żabbar, jiġifieri Fgura, Ħaż-Żabbar, ix-Xgħajra u l-Kalkara u naturalmement l-ibliet tal-Kottonera”
Ic-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera, Glenn Bedingfield stqarr li huwa importanti li nagħtu mezz lin-nies biex japprezzaw l-istorja.
Spjega, “U hekk fuq kollox nkunu nafu l-istorja tagħna aħna illi ngħixu il-ġewwa mis-swar tal-Kottonera din hija l-identità tagħna u għandna nkunu kburin biha”
Minn naħa tiegħu, il-Ministru Herrera żied jgħid li l-Gvern se jkompli jsostni l-għaqdiet mhux governattivi biex joħorġu b’inizjattivi sbieħ.
Qal, “Biex issostni dan kollu huwa impossibbli li l-gvern jaghmel kollox hu allura jiddependi ftit ukoll fuq il-ħidma ta’ għaqdiet volontarji u filfatt aħna bħala ministeru għamilna żmien nirreveduwhom dawn il-guardianship deals fejn aħna nagħtu ċertu siti taħt l-kura ta’ NGOs u nżiduwhom u nnaqsu nemendaw dan il-ftheim li għandna pero mmexxu ħafna magħhom”