Il-Qorti laqgħet mandat ta’ inibizzjoni imressaq mill-General Workers’ Union kontra kumpanija tal-gaming bl-isem ta’ NetEnt.
B’hekk il-Qorti żammet lill-kumpanija milli tibqa’ għaddejja b’sensji kollettivi li kienu jammontaw għal ftit iktar minn tliet mija.
Il-GWU kienet ilmentat li NetEnt mhux tagħti notifika tas-sensji kollettivi u ma kkonsultatx mal-unjin li tirrappreżenta l-ħaddiema kif hu mitlub mil-liġi Ewropea u Maltija.
Il-unjin akkużat ukoll lill-kumpanija u lis-sidien il-ġodda, Evolution Gaming, li kisru l-liġi Ewropea dwar it-trasferiment tan-negozju.
Fi stqarrija, il-GWU ilmentat dwar tattiċi mill-kumpanija kontra l-istess unjin billi allegatament, il-kumpanija qabbdet lil xi ħadd biex suppost ikun rappreżentant tal-ħaddiema, li iżda ma kkonsultax mal-ħaddiema li kienu se jiġu milquta.
Il-GWU qalet li l-aħbar tal-bejgħ tal-kumpanija NetEnt u tas-sensji kollettivi kienet komunikata lill-ħaddiema lokali l-ġimgħa l-oħra.
Bosta ħaddiema kienu maħsuda u diżappuntati hekk kif dakinhar tal-aħbar, is-sidien il-ġodda skortaw lill-ħaddiema ‘l barra mill-post tax-xogħol.