L-ikla tal-Milied li ta’ kull sena ssir minn Caritas Malta fil-kuriduri tal-Kurja fil-Furjana, din is-sena se tinbidel fi tliet ġesti nobbli.
L-ewwel ġest huwa ma’ dawk il-persuni b’diżabilità, anzjani, persuni bi problemi ta’ saħħa mentali u oħrajn f’solitudni li ser titwaslilhom ikla f’darhom stess.
It-tieni ġest huwa ma’ dawk li minkejja li jistgħu jsajru ġo darhom, xorta waħda qed ibatu f’solitudni u għalhekk xi voluntiera mill-Caritas se jżuruhom fuq l-għatba tal-bieb u jtuhom xi rigali.
It-tielet ġest huwa li se jsiru diversi telefonati f’Jum il-Milied ma’ dawk li jkunu waħedhom u jkunu jridu jgħidu kelma ma’ xi ħadd.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt spjega li kull ma jmur dawn in-nies li jbatu s-solitudni qed jiżdied.
Qal kif, “Din l-inizjattiva tal-ikla fil-Milied bdiet ħames snin ilu fl-2015, kieku kienet tkun il-ħames darba, però fiċ-ċirkostanzi ta’ din is-sena kienet ċara li mhux ħa ssir iżda bil-ħidma u l-esperjenza bdejna naraw kif l-aħjar nirrispondu għal iktar nies li se jkunu waħedhom dakhinar tal-Milied jew għandhom xi diffikultà fil-ħajja tagħhom jew fil-mezzi tagħhom.”
L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna appella lill-pubbliku biex kemm jista’ jkun nuru solidarjetà ma’ dawk fil-bżonn.
Spjega, “Permezz tal-użu tat-telephone tal-midja soċjali aħna nuru li aħna xorta qrib xulxin anke xi ħadd li ilni ma nkellmu nieħu l-opportunità ta’ żmien il-Milied għandna tnax-il ġurnta mill-Milied sal-Epifanija biex aħna tassew inkunu qrib xulxin. U anke s-suġġeriment tiegħi li matul is-sena meta jiena wasalt biex tiċċelebra birthday jew anniversarju naħseb ukoll fil-Caritas.”
Fil-konferenza tal-aħbarijiet intqal ukoll kif minn mindu faqqgħet il-pandemija sal-ġurnata tal-lum, il-Caritas Malta offriet ‘l fuq minn tmenin elf ikla għal dawk il-persuni u familji l-aktar fil-bżonn.
Intant, kull min jixtieq li jirċievi telefonata mill-Caritas jista’ jċempel fuq 21331000.