Il-President Franċiż Francois Hollande se jkun qed iżur il-port ta’ Calais, ftit ħin wara li ppreżenta l-pjanijiet tiegħu biex jagħlaq kamp għall-immigranti li fi kliemu spiċċa ġungla.
Hollande se jiltaqa’ mal-Pulizija, uffiċjali tal-port u politiċi pero għalissa mhux se jżur il-kamp innifsu. L-intenzjoni ta’ Hollande hi li jagħlaq il-kamp u l-immigranti jkunu rillokati f’ċentri oħra mifruxa fi Franza.
Hollande kien qiegħed jaffaċja kritika dwar il-kundiżżjonijiet ħziena Calais li dwarhom hu stess qal li huma inaċċetabli. Waqt din iż-żjara, Hollande mistenni jinawgura estensjoni tal-port.
Aktar minn disa’ t’elef immigrant jinsabu fil-kamp ta’ Calais bit-tama li b’mod illegali jidħlu r-Renju Unit f’vetturi li jkunu qed jaqsmu l-kanal bejn Franza u r-Renju Unit.