Il-kumpanija Handson nediet prodotti ġodda b’użu ta’ teknoloġija li se jkunu konformi mal-viżjoni tal-Gvern.
Din it-teknoloġija hija magħrufa bħala internet of things.
Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija, Geoffrey Farrugia saħaq li minkejja li din is-sena offriet diversi sfidi, il-kumpanija irnexxielha timpjega nies ġodda. Spjega li t-teknoloġija tal-internet of things għandha l-potenzjal biex tkun rivoluzzjonarja. Dan minħabba li għandha diversi applikazzjonijiet fil-ħajja ta’ kuljum, fosthom il-moniteraġġ kontinwu tal-użu tal-gass f’residenzi privati u negozji.
Qal kif, “Aħna l-viżjoni tagħna hija li nibqgħu noffru servizzi u prodotti li jtejjbu l-kwalita tal-ħajja tagħna u permezz tal-IOT nemmnu li se nkunu qed nitrasformaw il-pajjiż u l-industrija f’sitwazzjoni fejn il-kwalità tal-ħajja u s-servizz jitjieb b’mod gradwali.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri faħħar dan l-investiment bħala wieħed li jagħti l-kuraġġ lil intraprendituri oħra. Qal li teknoloġiji bħal dawn jagħtu lil pajjiżna l-opportunità sabiex ikun bażi ta’ ttestjar għal teknoloġiji simili.
Spjega, “L-iktar ħaġa mportanti hija li rridu naraw iktar prodotti Maltin javvanzaw fl-ekonomija diġitali. Issa li s-settur tal-ekonomija diġitali ingħaqad mas-settur tal-ekonomija rrid nara li iktar kumpaniji jidħlu f’dan is-settur u iktar kumpaniji jagħmlu suċċess speċjalment barra minn Malta.”