Ira Losco, li x-xahar li għadda saret omm għat-tieni darba bit-twelid ta’ bintha GiGi, qalet li fit-tieni tqalha tagħha ddeċidiet li tfittex l-għajnuna.
F’intervista li xxandret waqt konferenza li matulha tnieda proġett pilota ta’ servizz dwar is-saħħa mentali tal-ġenituri matul it-tqala u l-ewwel sena wara t-twelid tat-tarbija, Ira Losco spjegat kif il-ġinekologu tagħha qalilha biex tuża s-servizzi li jeżistu fil-Perinatal Mental Health Clinic fl-Isptar Mater Dei. Hija aċċettat il-parir tiegħu, u s-servizzi għenuha ħafna.
“Kont nitkellem ma’ Emma li kienet issegwini kull ġimgħa u ċċempilli. Jiena għandi ħafna sapport mill-familja u sħabi, imma tkun trid isserraħ moħħok li tkun qed titkellem ma’ xi ħadd li jifhmek.”
Hija appellat lill-koppji li se jsiru ġenituri biex ma jiddejqux ifittxu l-għajnuna.