Il-Pulizija rnexxielha taqbad lil Samir Almiri wara li l-movimenti tiegħu ġew intraċċati permezz tal-informazzjoni ċellulari mill-mobile tiegħu u anke ta’ Victor Mckeon.
Dan ġie spjegat fil-kumpilazzjoni fil-każ tal-qtil ta’ Victor Mckeon mis-Supretendent Keith Arnaud. Samir Almiri huwa l-Libjan suspettat bil-qtil ta’ McKeon.
Almiri telaq minn pajjiżna u mar il-Marokk, ftit jiem qabel il-pulizija sabu l-katavru ta’ Mckeon imgeżwer f’boroz suwed fil-kamra tal-banju t’appartament f’Misraħ Dorell f’Santa Luċija.
Fil-Qorti, Keith Arnaud spjega li evidenza ċellulari turi kif Almiri ġarr fuqu l-mobile ta’ Mckeon wara l-allegat qtil.
Dan hekk kif l-informazzjoni ċellulari miż-żewġ mobiles dwar il-postijiet li kien fihom wara l-qtil bdew jiġu l-istess miż-żewġ mobiles.
Dan apparti li meta wara l-qtil, Almiri uża l-karta ta’ kreditu ta’ Mckeon, kien qed jintbagħat messaġġ fil-mobile ta’ Mckeon innifsu u li kien qed jinġarr minn Almiri.
B’hekk ma’ kull messaġġ mill-bank, il-lokazzjoni ta’ Almiri kienet qed tintwera fuq il-mobile.
Permezz t’hekk il-Pulizija setgħet ukoll mill-cameras tas-sigurta tal-ATM u s-CCTV tara lil Almiri allegatament jiġbed il-flus mill-kont bankarju ta’ Mckeon.
Il-prosekuzzjoni qalet li nstabu marki tas-swaba’ ta’ Almiri fuq il-boroż iżda Almiri qal li hu seta’ mess il-boroż qabel.
DNA t’Almiri u ta’ Mckeon instabu fid-dar fejn instab il-katavru.