Pajjiżna għamel kisba importanti fis-settur tal-edukazzjoni tal-Matematika u x-Xjenza hekk kif mar tajjeb fi studju internazzjonali komparattiv.
Malta ħadet sehem fl-istudju ‘Trends in International Mathematics and Science Study’, magħruf bħala TIMSS.
Għall-ewwel darba fl-2019, fil-Matematika pajjiżna kiseb 509 punt. Dan huwa disa’ punti fuq il-medja internazzjonali u 13-il punt fuq il-marka tal-2011.
Fix-Xjenza pajjiżna għamel qabża ta’ 50 punt mill-marka li kienet ġabet Malta lura fl-2011. Dan hekk kif din is-sena ġab marka ta’ erba’ mija sitta u disgħin, filwaqt li f’2011 il-marka miġjuba kienet dik ta’ 446.
L-istudju juri wkoll kif f’pajjiżna 2% aktar mill-medja internazzjonali ifittxu li jiksbu suċċess fl-istudji tagħhom filwaqt li 21% aktar mill-medja internazzjonali tal-ġenituri huma kuntenti bl-iskola ta’ uliedhom.
Dan filwaqt li 10% f’rispons aktar mill-medja internazzjonali juri li t-tfal għandhom riżorsi u għajnuna fit-tagħlim mid-dar.
Fost ix-xejriet tajbin li spikkaw f’dan l-istudju nsibu 3% aktar mill-medja internazzjonali tat-tfal f’Malta jieħdu pjaċir jitgħallmu l-Matematika u jiksbu 12-il siegħa aktar tagħlim fis-sena mill-medja internazzjonali.
It-tħabbira ta’ dan ir-riżultat saret ukoll fl-iskola Primarja tal-Floriana, mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni Dr Frank Fabri, li stqarr kif dawn ir-riżultati huma frott ħidma li bdiet lura fl-2014.
“Dan huwa riżultat ta’ ħafna xogħol, ta’ ħafna ħidma u ħafna pjanar ta’ qafas strateġiku mħabbar fl-2014, fuq strateġiji li nidejna fejn jidħlu t-tagħlim tal-matematika u t-tagħlim tax-xjenza, il-popolarizazzjoni ta’ dawn is-suġġetti.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana laqgħet dan ir-riżultat u stqarret li din il-kisba hija waħda importanti f’kuntest internazzjonali u suċċess għall-istudenti Maltin u għawdxin tal-Ħames sena tal-Primarja.