Żewġ persuni li allegatament wettqu hold-up xahar ilu fl-Imsida, ġew arrestati mill-Pulizija, l-Erbgħa filgħodu fil-Pietà.
Investigazzjonijiet intensivi wasslu biex wara li ġew identifikati ż-żewġ persuni li wettqu s-serqa, fis-sigħat bikin tal-Erbgħa filgħodu, il-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri bdew isegwu l-passi tagħhom.
Għal xi 09:30am, iż-żewġ persuni, li kienu f’vettura BMW, ġew iċċirkondati
f’Tal-Pietà u arrestati.
Huma allegatament wettqu hold-up fuq raġel ta’ 50 sena, fil-15 ta’ Novembru li għadda u dakinhar użaw l-istess vettura li kienu biha lbieraħ filgħodu.
Iż-żewġ persuni li huma raġel ta’ 34 sena u mara ta’ 25 sena, se jitressqu l-Qorti llum għall-ħabta tal-11:30 quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr.Yana Micallef Stafrace LL.D. mill-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u mill-Ispettur Colin Sheldon tad-Distrett.