Meta taħdem fuqek innifsek, tissaħħaħ kemm individwalment kif ukoll bħala koppja u familja.
Dan huwa dak li qalulna Elaine u Stefan Galea, koppja li għal xi żmien esperjenzaw problemi fiż-żwieġ tagħhom, imma li rrikorrew għall-għajnuna u llum jinsabu b’saħħithom aktar minn qatt qabel.
Lil Elaine u Stefan iltqajna magħhom l-Istitut Kattoliku, waqt l-iffirmar ta’ ftehim bejn il-Gvern u l-Moviment Ta’ Kana li se jissarraf f’għajnuna finanzjarja ta’ aktar minn mitt elf ewro fuq tliet snin.
Wieħed mis-servizzi li joffri l-Moviment Ta’ Kana huwa dak tal-Marriage Counselling, li għamlu użu minnu Elaine u Stefan.
Qal kif, “Il-professjonisti jdaħħluk fi proċess biex tħares anki lejk innifsek personali u l-problemi li jkun hemm fil-koppja u bilmod il-mod jibdew jitranġaw is-sitwazzjonijiet li jkun hemm.”
Il-mara spjegat li meta bħala koppja, ħassew il-bżonn li jfittxu l-għajnuna, kellmu lill-qassis li żewwiġhom, li rreferihom għall-Moviment Ta’ Kana.
Qalet li, “Wassluna ċerti esperjenzi tal-ħajja jiġifieri, kien hemm il-mewt ta’ missier ir-raġel, tqala fil-familja tagħna, u bdejnih. L-ewwel kienet xi ħaġa challenging li ngħidu iva mmorru għas-servizz tal-għajnuna imma mbagħad kif bdejna niġu, sibnih ta’ għajnuna kbira, bqajna naħdmu fuqna personali u once li inti taħdem fuqek personali tissaħħaħ individwalment u bħala koppja u bħala familja.”
Ir-raġel saħaq li m’hemm xejn tal-mistħija li koppja tfittex l-għajnuna, u appella lill-koppji li għaddejjin minn żminijiet diffiċli biex ma jaqtgħux qalbhom.
Spjega kif, “There’s no shame billi tfittex l-għajnuna u ovvjament jiena nemmen li aħjar tfittex l-għajnuna u l-problemi li jkun hemm jissolvew kemm jista’ jkun malajr għall-aħjar tal-koppja u anki tal-familja.”