Din is-sena, il-Fondazzjoni Richmond irċeviet erba’ darbiet aktar telefonati fuq il-linja għall-għajnuna mis-sena li għaddiet, filwaqt li rreġistrat żieda qawwija wkoll fejn jidħlu sigħat ta’ terapija u sessjonijiet ta’ interventi.
Dan ħareġ f’riċerka li għamlet il-Fondazzjoni Richmond fix-xhur ta’ April, Ġunju, Awwissu u Ottubru biex issegwi s-saħħa mentali tal-popolazzjoni tul il-pandemija.
Kull darba li sar l-istħarriġ, ġew intervistati ħames mitt persuna f’kampjun li jirrappreżenta l-popolazzjoni b’diversità fl-età, fis-sess u fil-livell tal-edukazzjoni fost l-oħrajn.
Il-koordinatriċi tal-istħarriġ, Vanessa Bajada, spjegat li l-ikbar inkwiet għal dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ, kien il-ġid tal-qraba tagħhom.
Qalet kif, “In-nies reġgħu bdew jibżgħu, hemm ċertu element ta’ biża’ anki relatat with contracting the virus, bdew iħossu threat ikbar, però li baqa’ constant throughout ir-riċerka kienet il-concern tal-loved ones, li dak li jkun jibża’ għall-close relatives tiegħu, hekk dik il-concern li baqgħet kostanti.”
Hija spjegat li kien hemm żieda qawwija fl-anzjetà u emozzjonijiet marbuta mad-dipressjoni, l-aktar fost iż-żgħażagħ, li kienu jħossuhom hekk f’medja ta’ tliet jew erba’ darbiet fil-ġimgħa.
Spjegat li, “Hemmhekk nistgħu naraw kemm fil-faxxa taż-żgħażagħ kif ukoll f’ċertu elementi l-anzjani, li they were a lot more accentuated fir-riżultati hemmhekk rajna li l-persentaġġi kienu ħafna ogħla meta mqabblin mal-etajiet l-oħra li koprejna fl-istħarriġ.”
Biex tgħin lill-Fondazzjoni Richmond, tista’ tagħti donazzjoni fil-ġbir ta’ fondi bit-tema “Għinna noffru r-rigal tat-Terapija”, biex jiġi żgurat servizz sostenibbli lil min ikollu bżonn l-għajnuna f’dawn iż-żminijiet diffiċli u ma jistgħux iħallsu għaliha.