L-Erbgħa filgħaxija fil-Parlament, tressaq għall-ewwel qari l-abbozz ta’ liġi biex jemenda kundizzjonijiet marbuta mad-divorzju.
Dan wara li l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Erbgħa filgħodu, il-Kabinett approva l-abbozz ta’ liġi.
Fuq twitter, il-Prim Ministru qal li l-Gvern huwa impenjat li jibqa’ jindirizza r-realtajiet li l-familji Maltin u Għawdxin qed jaffaċċjaw.
Saħaq li l-Gvern se jġib aktar bidliet għall-aħjar.
Il-Gvern qal li x-xogħol fuq l-abbozz ta’ liġi kien jirrikjedi impenn qawwi legali li analizza d-dettalji tal-liġi preżenti.
Spjega kif intqal f’bosta okkażjonijiet pubbliċi, huwa jinsab kommess li jibdel din il-liġi li daħlet fis-seħħ kważi għaxar snin ilu.
Dan l-abbozz mistenni jneħħi kull xkiel legali sabiex jindirizza aħjar ir-realtaijiet tal-familji Maltin u Għawdxin.
L-abbozz ser inaqqas il-ħafna weġgħat u diffikultajiet li jinsabu fihom persuni f’din is-sitwazzjoni fosthom it-tfal, billi se jkun hemm tibdil fit-terminu ta’ żmien li wieħed irid jistenna sabiex ikun jista’ jikseb d-divorzju.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li se jibqa’ jżomm idejh fuq il-polz tal-familji u se jibqa’ jaħdem sabiex il-familja tibqa’ tissaħħaħ permezz ta’ politika progressiva.
Dan sostnietu f’kummenti ma’ dan l-istazzjon, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u d-Drittijiet Ċivili Rosianne Cutajar wara li propju ressqet il-liġi fil-Parlament.
Qal kif, “Huwa mportanti li l-liġijiet tagħna jkunu jirriflettu l-bżonnijiet iżda wkoll ir-realtajiet tal-familji Maltin u Għawdxin. Permezz ta’ dan l-abbozz se nkunu qegħdin innaqqsu l-istennija sabiex koppja tibda proċeduri legali sabiex tikseb id-divorzju. Erba’ snin huwa perjodu ta’ żmien twil wisq u aħna nemmnu li kull persuna għandha dritt sabiex tkompli miexja ‘l quddiem b’ħajjitha.”
Preżentament koppji li jixtiequ jiddivorzjaw jeħtieġ li jkunu ilhom minn tal-inqas erba’ snin separati iżda xhur ilu, il-Prim Ministru kien imbotta idea li koppji ma jkollhomx bżonn erba’ snin biex jiksbu d-divorzju.
Kien saħaq li jeħtieġ aġġornament fil-liġi tad-divorzju li daħlet fl-2011.