Fil-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi, l-Erbgħa waranofshinar ġie diskuss il-kuntratt tal-Eletrogas fejn tkellem l-Awditur Ġenerali Charles Deguara.
Huwa qal li jħossu insultat wara li l-membri tal-Oppożizzjoni fuq dan il-kumitat bdew jgħaddu botti politiċi lejn membri tal-Gvern waqt preżentazzjoni teknika li kienet qed tingħata mill-Assistent Awditur tal-istess uffiċċju Keith Mercieca.
Qal kif, “Ħa nkun onest magħkom meta nanalizzaw rapport il yard stick tagħna hija good governance. Jekk kienx hemm good governance jew le. Iġifieri sinċerament meta rapport bħal dan ħadilna ħafna ħin u sforz u ma nżommuhx fuq livell tekniku u nwaqqgħuh fuq livell politiku huwa insult għalina.”
Id-Deputat Laburista u l-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield beda jsaqsi lill-membri tal-Uffiċċju tal-Verifika jekk il-ftehim li assigura l-provvista tal-elettriku kienx bżonnjuż għall-Maltin u l-Għawdxin.
Qal, “Għalfejn daħal? Għalfejn sar is-security of supply agreement li daħal at a later stage? Biex ikompli għaddejj il-proċess tal-proġett.
Beppe Fenech Adami: Biex ma jinqatax id-dawl.”
B’kuntrast għal dak li qal Fenech Adami, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-verifika kkonferma il-bżonn ta’ dan il-ftehim.
Spjega, “Kien tajjeb għaż-żewġ naħat għal min qed ibigħ u jixtri.
Għan-nies finalment u mhux kif jixtieq l-onorevoli Fenech Adami li jinqata’ d-dawl.”
Il-folja tal-Oppożizzjoni dlonk inqalbet malli tkellem id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus li imbagħad qal li jaqbel mal-ftehim.
Ryan Callus qal “Naqblu li s-security of supply huwa importanti.”
Kien Bedingfield li staqsa“Mela mhux qed taqbel ma’ Fenech Adami?” fejn Callus irrisponda “Naqblu mas-Security of Supply.”