Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, żaru d-Dipartiment tal-Biomedical Engineering fl-Isptar Mater Dei.
Dipartiment kruċjali li huwa responsabbli mill-apparat mediku fl-isptar, li jammonta għal madwar mija u għoxrin miljun ewro.
Waqt iż-żjara ingħad li l-importanza ta’ dan id-dipartiment dehret biċ-ċar matul l-imxija hekk kif il-Gvern investa madwar tnax-il miljun ewro f’apparat mediku biex jinxtraw fost l-oħrajn ventilaturi, termometri, sodod u magni tal-ultrasound, li huma meqjusa utli ħafna għall-pazjenti milquta mill-COVID-19.
Dan wassal biex id-domanda għax-xogħol li jsir f’dan id-dipartiment żdiedet sew din is-sena, u kien hemm bżonn li l-ħaddiema jadattaw biex l-apparat il-ġdid li nxtara jiġi installat mingħajr dewmien żejjed.
Bħal ħaddiema oħra li kienu fuq quddiem tal-ġlieda kontra l-imxija f’pajjiżna, dawk li jaħdmu f’dan id-dipartiment ukoll kellhom irwol kruċjali biex setgħet tingħata l-għajnuna meħtieġa lill-pazjenti.
Il-Prim Ministru rringrazzja lit-tim ta’ ħaddiema f’dan id-dipartiment għall-ħidma li ssarrfet f’fiduċja u gratitudni mill-poplu kollu, u miegħu ngħaqad id-Deputat Prim Ministru li faħħar ix-xogħol imprezzabbli ta’ dan id-Dipartiment.