L-unika ħaġa li ddgħajfet hija l-Oppożizzjoni taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech.
Dan huwa l-messaġġ tal-Partit Laburista b’reazzjoni għal stqarrija tal-Partit Nazzjonalista, li qablet ma’ rapport ta’ Pieter Omtzigt, li ma jagħtix stampa ċara tal-affarijiet, meta l-Oppożizzjoni stess ivvutat favur emendi biex tissaħħaħ is-saltna tad-dritt.
Il-Partit Laburista nnota li wieħed milli ffirma l-istqarrija huwa Jason Azzopardi, li ftit tal-jiem ilu taparsi ingħata ċanfira mingħand il-Kap tiegħu imma mbagħad reġa’ daħlu fil-grupp Parlamentari minn taħt.
L-istqarrija tal-Partit Laburista kompliet tinnota li dan il-Gvern daħħal riformi bla preċedent f’oqsma li l-Oppożizzjoni tkellmet biss dwarhom biex tipprova tieħu vantaġġ politiku u biex tirkeb il-karru ta’ esponenti barra l-pajjiż li għamlu ħsara lil pajjiżna.
Il-Partit Laburista temm jinnota li filwaqt li l-Gvern diġà ta reazzjoni estensiva tar-rapport ta’ Omzigt, ir-reazzjoni tal-Oppożizzjoni mhux biss kienet l-istess kantaliena tas-soltu imma wriet kemm hija l-unika istituzzjoni dgħajfa li trid tagħti l-lezzjonijiet lil ħaddieħor meta hi stess għadha lanqas tgħallmet il-lezzjoni.