Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said, qal li Gvern Laburista ma ħoloqx xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.
Said qal dan waqt dibattitu fuq il-programm Follow Up fuq ONE hekk kif kien mistoqsi dwar il-prestazzjoni ekonomika ta’ Gvern Laburista fuq il-gżira tat-tliet għoljiet.
Said qal li l-wegħda li se joħloq iktar xogħol, Gvern Laburista mhux biss ma laħaqhiex iżda splodieha.
Huwa stqarr: “La l-Gvern abdika mir-responsabbiltà tiegħu għax il-wegħda splodewha mhux talli ma ħolqux xogħol għall-Għawdxin f’Għawdex stess.”
Kien hawnhekk li rribatta l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri hekk kif innota li mill-2012 ‘il quddiem taħt Gvern Laburista kien hemm żieda ta’ 42% fl-impjiegi f’Għawdex.
Il-Ministru Camilleri qal, “Fl-2012 kellna 8,100 ħaddiem jaħdmu f’Għawdex stess, illum għandna 11,600 ħaddiem li jaħdmu f’Għawdex stess u dak hu x-xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin, żieda ta’ 42%.”
Meta l-Preżentatriċi tal-programm staqsiet lil Chris Said dwar il-proposti tal-Partit Nazzjonalista f’dan ir-rigward, Said bħall-kwistjoni tal-mina bejn Malta u Għawdex, qal li għandu jsir studju ieħor.
Huwa stqarr: “Il-Partit Nazzjonalista huwa ċar fuq il-proposti tiegħu. L-ewwel ħaġa li trid issir, irid isir studju soċjo-ekonomiku.” Madankollu fl-istess nifs qal li l-Għawdxin iridu s-soluzzjonijiet b’mod urġenti.
Said sostna: “L-Għawdxin iridu s-soluzzjonijiet urġenti.”
Intant tul id-dibattitu ntmess is-suġġett tal-konkos difettuż fil-pont taċ-Ċirkewwa u l-Isptar Mater Dei taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti.
Said qal li l-Gvern Malti ma ħareġ l-ebda ċenteżmu żejjed dwar il-konkos difettuż ta’ Mater Dei minkejja li fil-verità l-Gvern kellu jonfoq €150 miljun mit-taxxi tal-poplu biex dan il-konkos jittranġa.
Qal ukoll li l-isptar Mater Dei huwa monument tal-Partit Nazzjonalista: “Għidli kemm infaqtu biex irranġajtu l-konkos difettuż? Taf li ma ntefaqx ċenteżmu. Mater Dei qiegħed hemm u allaħares mhux qiegħed hemm. Huwa monument ta’ Gvern Nazzjonalista.”