Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said ipparteċipa f’laqgħa li opponiet ir-referendum dwar il-mina bejn Malta u Għawdex minkejja li issa huwa favur referendum.
Fl-2015, Said attenda u tkellem f’konferenza kontra referendum dwar il-mina mill-moviment ‘Front Favur il-Mina.’
Madankollu waqt dibattitu it-Tnejn filgħaxija fil-programm Follow Up fuq ONE, dehret l-inkosistenza ta’ Chris Said hekk kif qal li huwa favur referendum.
Said stqarr: “Ma hemm xejn akbar minn referendum biex tikkonsulta.“
Waqt l-istess programm Chris Said qal li l-Partit Nazzjonalista huwa favur il-kunċett tal-mina wara li jsiru l-istudji neċessarji kollha.
Said sostna: “Il-Partit Nazzjonalista huwa favur il-kunċett tal-mina wara li jsiru l-istudji kollha u jirriżulta li hija fattibbli. Kif nista’ ngħidlek illum li jien naf x’ħa jkunu l-istudji?”
Madankollu għall-kuntrarju ta’ dak li qal Chris Said it-Tnejn filgħaxija, fil-fatt fl-istess laqgħa fl-2015, Said innifsu sostna li l-istudji juru li l-proġett huwa fattibbli.
Waqt il-programm Chris Said ħadha wkoll kontra l-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija hekk kif immina kliem il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija Joseph Borg.
Dan wara li Borg qal li ma hemmx għalfejn li għal kull proġett infrastrutturali jsir referendum.
Huwa qal: “Ma hi xejn ħlief triq bħal ħafna proġetti ta’ triqat oħra li qed isiru hawn Malta jiġifieri jiena bl-ebda mod ma nara li ċertu proġetti infrastrutturali mkien qatt ma kien hemm bżonn referendum.”
Għal dan il-kumment minn Borg, Chris Said qal hekk: “Nippruvaw inġibu u ngħidu għax il-mina jekk issir triq Malta nagħmlu referendum. Bir-rispett kollu, ma nissimplifikawx. Il-mina hija triq però ma hijiex kwalunkwe triq.”
Kien hawnekk fejn il-Ministru Camilleri nnota kif il-mandat b’saħħtu li ta l-poplu Malti u Għawdxi lill-Partit Laburista fl-elezzjoni tal-2017 huwa minnu nnifsu konferma tal-manifest elettorali u li fih kien jinkludi l-proġett tal-mina.
Il-Ministru Camilleri saħaq: “Il-poplu Malti u Għawdxi għażel lill-Partit Laburista. Għażel lill-Partit Laburista b’maġġoranza assoluta kemm jekk tieħu l-pajjiż inġenerali u kif ukoll il-gżira Għawdxija. Il-Partit Laburista ġab maġġoranza assoluta jiġifieri l-poplu diġà ddeċieda fuq manifest elettorali.”