Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo pparteċipa fil-Kunsill dwar l-Affarijiet Barranin li tlaqqa’ fi Brussell.
Il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea ltaqgħu biex jiddiskutu numru ta’ kwistjonijiet pertinenti fuq l-aġenda internazzjonali, fosthom ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti wara l-elezzjonijiet tax-xahar li għadda, u l-kunċett ta’ awtonomija strateġika.
B’enfasi fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-Ministri ddiskutew ukoll is-sitwazzjoni fil-Georgia wara l-elezzjoni, l-elezzjonijiet fil-Venezwela, kif ukoll żviluppi reċenti fil-Lvant tal-Mediterran.
Fid-dawl tal-Jum Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem nhar l-10 ta’ Diċembru, il-Ministru Bartolo saħaq li l-impenn tal-Unjoni Ewropea li tipprijoritizza d-drittijiet tal-bniedem jagħtiha aktar kredibilità.
Rigward ir-relazzjonijiet mal-Istati Uniti, il-Ministru Bartolo ddikjara li l-ħidma mal-amministrazzjoni l-ġdida teħtieġ approċċ pragmatiku. Dan għaliex minkejja li l-indikazzjonijiet huma pożittivi fir-rigward ta’ xeqliba politika, ir-rabtiet mal-Istati Uniti jiddependu mix-xenarju ġeo-politiku attwali.
F’dan il-kuntest, huwa enfasizza fuq l-importanza li l-Unjoni Ewropea tikkollabora mal-Istati Uniti f’oqsma ta’ politika internazzjonali, partikolarment fuq il-Libja, il-Lvant Nofsani u l-Iran, u dan dejjem fil-parametri tar-realtajiet politiċi prevalenti. Huwa tenna li t-tisħiħ tal-multilateraliżmu fil-kuntest globali attwali huwa importanti daqs qatt qabel u l-Unjoni Ewropea għandha taħdem mill-qrib mal-Istati Uniti sabiex din terġa’ tieħu rwol aktar attiv f’organizzazzjonijiet internazzjonali.
Dwar l-Awtonomija Strateġika; kunċett li ħa spinta fl-aħħar xhur xprunat mill-konsegwenzi tal-pandemija; il-Ministru Bartolo qal li l-approċċ li l-Unjoni Ewropea tħares ‘il barra huwa wieħed mill-virtujiet tagħha li għandha ssostnih.
Il-Ministru Bartolo sostna li bħala promotur tal-multilateraliżmu u sostenitur ta’ sistema ta’ kummerċ multilaterali b’saħħitha bbażata fuq ir-regoli u li tħares ’il ġewwa, jemmen li din ma tagħmilx l-Unjoni Ewropea aktar strateġika, jew iktar awtonoma.
Fil-marġini tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Barranin, il-Ministru Bartolo pparteċipa fil-vidjokonferenza tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Alġerija.
Ritratt: MFEA