Fl-aħħar sigħat BirdLife Malta qalet li kienet imsejħa biex tassisti f’aktar każi ta’ kaċċa illegali fuq tajr protett li seħħew waqt l-istaġun tal-kaċċa tal-ħarifa.
Fi stqarrija qalet li f’Għawdex ġiet imsejħa biex tirkupra Russett Griż (Grey Heron) b’ġewnaħ miksur. L-għasfur deher nieżel fuq it-tarf ta’ rdum fid-Dwejra lbieraħ waranofsinhar.
F’inċident separat li seħħ ilbieraħ f’Delimara, uffiċjali ta’ BirdLife Malta u voluntieri li qed jieħdu sehem fir-Raptor Camp osservaw każ ieħor ta’ kaċċa illegali fuq għasfur protett ieħor. Wara li semgħu tir qed jiġi sparat lejn l-art ftit metri ’l bogħod minnhom, iffilmjaw kaċċatur jiġbor Kuda (Northern Wheatear) li kienet għadha kif inqatlet u jaħbiha. Fil-post issejħu l-pulizija li ġew murija l-post fejn kien jinsab l-għasfur li sabuh u rkuprawh. Il-filmati ġew mgħoddija f’idejn il-Pulizija.
Bil-filmati li nħarġu lbieraħ ukoll mill-Kumitat Kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) tal-qtil ta’ Kuċċarda (Honey Buzzard) oħra fl-inħawi tal-Fawwara, dan ifisser li t- total ta’ għasafar protetti li sfaw fil-mira tal-kaċċa illegali lbieraħ, f’ġurnata waħda, kien ta’ tlieta u t-total jitla’ għal 23 mill-bidu tal-istaġun tal-kaċċa fil- ħarifa ’l hawn.
Birdlife qalu li dan hu wieħed mill-agħar staġuni tal-kaċċa tal-ħarifa fis-snin riċenti.