It-Tnejn filgħodu l-Prim Ministru Robert Abela inawgura t-tieni fażi tal-proġett ta’ aktar minn miljun u mitejn elf ewro fil-Padiljun tal-Basketball f’Ta’ Qali.
Dan il-padiljun ilu jintuża tlieta u ħamsin sena u oriġinarjament kien hangar tat-tieni gwerra dinjija.
Ix-xogħlijiet li ġew inawgurati t-Tnejn kienu jinkludu t-twaqqigħ tal-istrutturi interni fil-madwar, li mhux biss żiedu l-kapaċità tal-ispettaturi, imma għamlu l-Padiljun aċċessibbli għal kulħadd.
Ix-xogħlijiet fil-fażi ta’ qabel raw titjib fl-istruttura oriġinali tal-azzar u tal-binja minn barra.
Il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif dan l-investiment għamel l-arena aċċessibli anke għall-persuni b’diżabilità li issa jistgħu jipprattikaw il-basketball f’Ta’ Qali.
F’kummenti lill-ġurnalisti Robert Abela qal kemm dan il-Gvern qed jagħti prijorità lill-qasam tal-isport, li kull ma jmur qed iħalli l-frott kemm fuq livell nazzjonali u anki internazzjonali.
Qal kif, “Bħala Gvern kommess li nibqgħu ntellgħu l-livell tal-isport f’pajjiżna u nibqgħu ninvestu bis-saħħa. Dan huwa l-mod ta’ kif inħares lejn soċjetà aktar ġusta, soċjetà kompluta b’valuri b’saħħithom, soċjetà li għaliha l-isport huwa importanti anke biex isaħħaħ il-valuri tal-istess soċjetà u verament nemmen f’soċjetà ħanina u Maltija sabiħa.”
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Basketball f’Malta Paul Sultana saħaq li dan l-investiment kien ħolma ta’ għexieren ta’ atleti għal diversi snin, li issa saret realtà.
Spjega li, “flimkien mal-MBA li anke bil-volontarjat tiegħu qed naraw din il-ħolma ssir realta, fejn qatt ma konna noħolmu aħna anke meta kont nilgħab jien erbħgin sena ilu li se jkollna arena bħal din. Hija xi ħaġa li Sqallija lanqas jagħmlu xi ħaġa bħala.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima semma l-istrateġija Nazzjonali tal-Isport u li dan l-investiment huwa wieħed mill-ħafna proġetti u investimenti li saru jew qed isiru fil-pajjiż.