L-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu Fitch reġgħet tat ċertifikat eċċellenti tal-ekonomija ta’ Malta billi kkonfermat ir-rating ta’ pajjiżna bħala A+ bi prospetti stabbli.
L-esperti ta’ Fitch Ratings, magħrufa li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd sostnew li l-prodott domestiku gross ta’ pajjiżna, jiġifieri l-ekonomija, mistennija tikber fl-2021 u fl-2022.
“Fitch’s expectation that GDP growth will recover and the budget deficit narrow in 2021 and 2022”.
Filwaqt li nnutaw li t-turiżmu kien kajman minħabba l-imxija, dawn l-esperti internazzjonali nnutaw ir-reżiljenza ta’ setturi oħrajn fosthom tal-informatika u tal-qasam tal-proprjetà, li propju ftit tal-jiem ilu, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi qalet li f’Novembru l-bejgħ tal-proprjetà żdied bi 18% fuq l-istess xahar tas-sena l-oħra.
L-esperti ta’ Fitch għollew l-istimi tagħhom għat-tkabbir tal-prodott domestiku gross.
Filwaqt li s-sena d-dieħla kienu oriġinarjmanet qed jaħsbu li l-ekonomija se tikber b’rata ta’ 4.1%, issa qed jaraw li t-tkabbir se jkun ta’ 5.4%.
Dan filwaqt li fl-2022, it-tkabbir stmat issa huwa ta’ 3.9%, ftit iżjed minn dak stmat oriġinarjament, jiġifieri 3.5%.
We expect a stronger recovery, with GDP growth at 5.4% in 2021 and 3.9% in 2022 (previously 4.1% and 3.5%, respectively)”.
Fi stqarrija, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana fakkar li Fitch qed ibassru tkabbir ta’ 4.5% fl-2021 u ta’ 3.2% fl-2022 għaż-żona Ewro, li jfisser li skont Fitch pajjiżna ser jikber ferm aktar mill-medja Ewropea.
Ir-rapport tal-aġenzija innota wkoll li l-qgħad f’pajjiżna baqa’ kkontrollat filwaqt li sostna li l-estensjoni tal-Covid Wage Supplement ser tkompli tissalvagwardja l-impjiegi.
Fil-fatt l-aħħar statistika maħruġa mill-Eurostat uriet li f’Ottubru li għadda, pajjiżna reġa’ kellu l-inqas rata ta’ qgħad fiż-żona Ewro.
Fitch ma qagħditx lura tesprimi fiduċja fil-Gvern Malti talli kiseb l-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej fl-istorja.
Fi kliem l-esperti tal-aġenzija Amerikana, l-ammont miksub huwa aktar mid-doppju tal-ammont li kien inkiseb minn amministrazzjoni preċedenti.
Fitch innutat ukoll li pajjiżna kompla jsaħħaħ il-governanza u l-ġlieda tiegħu kontra l-ħasil ta’ flus.
Fitch qalet li pajjiżna għamel progress sostanzjali fejn jidħol qafas ta’ moniteraġġ fuq ċertu attivitajiet finanzjarji li jqanqlu suspett.
“Malta has made substantial progress in improving its supervisory framework”.
Dan apparti li pajjiżna huwa meqjus bħala wieħed li jlaħħaq mal-medja ta’ pajjiżi li għandhom profil għoli fejn tidħol il-governanza.
“At par with A-rated median”.
Fitch bassret wkoll li d-dejn se jkun qrib is-60% u fil-medja tal-pajjiżi b’ranking ta’ ‘A’.
Dan apparti li kif qed jiġi ffinanzjat id-defiċit, il-ħlas tal-imgħax se jkun ta’ 3% tad-dħul tal-Gvern filwaqt li l-medja fost pajjiżi ta’ ranking bħal ta’ pajjiżna huwa eqreb il-5%.
Fi tweet b’reazzjoni għal dan ir-rapport eċċellenti fuq l-ekonomija u l-amministrar ta’ pajjiżna fi żmien ta’ sfidi bla preċedent, il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ r-rapport ta’ Fitch.
Innota kif Fitch għolliet il-prospetti ta’ tkabbir ekonomiku u rrikonoxxiet ħidmet il-Gvern biex iwieġeb għall-pandemija li laqtet lil kulħadd.
Dan apparti r-riformi li wettaq il-Gvern u l-fatt li pajjiżna kiseb id-doppju tal-fondi Ewropej, miksuba seba’ snin ilu taħt Gvern Nazzjonalista.
Saħaq li dan kollu tejjeb il-prospetti ta’ pajjiżna.
@FitchRatings confirm #Malta’s A+ rating while revising upwards their growth forecast for our #economy. Our response to COVID-19, our governance reforms and our #success in doubling #EU funds have greatly improved our prospects.- RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) December 5, 2020
Intant fi stqarrija, il-Gvern, permezz tal-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li ċ-ċertifikat pożittiv li ngħata lil pajjiżna mill-aġenzija internazzjonali Fitch Ratings huwa konferma oħra tal-għaqal li bih tmexxiet l-ekonomija tagħna u l-finanzi pubbliċi f’dan iż-żmien ta’ sfida.
Il-Gvern innota li filwaqt li pajjiżi oħra spiċċaw b’rating imnaqqas, fosthom l-Islovakkja, li bdiet is-sena bħal Malta A+ u se tispiċċaha b’downgrade u prospett negattiv, għal kuntrarju Malta żammet rating għoli.
Dan apparti li l-Italja u r-Renju Unit ingħataw ukoll downgrade minn Fitch.
Il-Gvern innota wkoll li l-esperti ta’ Fitch ikkonkludew għal kollox il-kontra li qed tgħid l-Oppożizzjoni Nazzjonalista fosthom anki dwar il-piż tad-dejn.
Il-Ministru Caruana temm jgħid li flimkien mat-titjib fil-qasam tal-governanza, fis-snin li ġejjin, Malta se jkollha pedament sod għal tkabbir b’saħħtu.