Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) fi stqarrija qalet li temmen li ż-żmien meta l-gżejjer Maltin kienu jċedu għall-intimidazzjonijiet u theddid ilhu li spiċċa.
Din kienet reazzjoni għall-ittra li bagħat Lewis Pugh, avukat fis-settur marittimu u għawwiem professjoni ddikjarat “Patron of the Seas” min-Nazzjonijet Magħquda, lill-Prim Ministru. Fl-ittra kritika ż-żieda fl-ammont ta’ kaċċa illegali li jemmen li qed issir f’pajjiżna.
L-FKNK qalet li “bl-insult li għamel lill-Malta, patrun tan-Nazzjonijiet Magħquda, jwassal biex wieħed jifhem għalfejn id-dinja għadejja minn taħwid u taqlib fuq livel globali li qed jefettwaw ħażin il-ħajja tan-nies”.
Il-Federazzjoni żiedet tgħid li “l-insulti ta’ dan is-sapporter tan-Nazzjonijiet Magħquda fl-ittra li bagħat lill-Prim Ministru tmur lilin minn kull lok ta’ diskussjoni. Hija riflessjoni serja ta’ intolleranza u atitudni negattiva, żgur mhux koerenti mall-oġettivi tal-Nazzjonijiet Magħquda”.
L-FKNK sostniet li għall-kuntrarju assolut ta’ dak li ntqal fl-ittra, illum hawn l-aktar kaccaturi u nassaba dixxiplinati u l-inqas numru ta reati konessi mall-kaċċa u l-insib fl-Ewropa. Dawn il-fatti u ċ-ċifri ħadd ma jista’ jiċħadhom sostniet il-Federazzjoni li tirrappreżenta lill-kaċċaturi.
“Bħal pappagall, il-patrun irepeta l-gideb u l-kunċetti qarrieqa tal-BirdLife Malta, u bl-istess mod talab li jiġi mpost kastig kollettiv billi jingħalaq l-istaġun tal-kaċċa sal-15 ta’ Ottubru, filwaqt li reġa’ ta’ ħjiel ta’ ħsara għall-industrija prinċipali ta’ Malta tat-turiżmu”.
L-FKNK innotat li Pugh spjega li dawn l-għasafar ikunu qed ipassu minn fuq il-gżejjer Maltin, sejrin lejn l-Afrika, fejn huma kruċjali għall-ekosistema ta’ dak il-kontinent. Għalhekk l-FKNK temmen li għandu jikkampanja f’pajjiżi Afrikani, “fejn il-miljuni ta’ għasafar li jpassu minn fuq Malta b’mod sikur u trankwill jispiċċaw immassakrati, kif evidenti minn ritratti u videos li wieħed faċilment jista jara mill-internet!”
Barra minn hekk, innotaw l-FKNK, matul iż-żminijiet, diversi trattati, konvenzjonijiet, legiżlazzjonijiet u strumenti oħra internazzjonali, li fihom in-Nazzjonijiet Magħquda aktar spiss milli le kienet parti, dejjem ikkundannaw bi sħiħ kastigi kollettivi.
Saħqu li fit-tliet istanzi meta kien impost kastig kollettiv fuq il-kaċċaturi, kienu kollha llegali.