Heritage Malta, taħt l-awspiċi tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, ħarġet sejħa għal proposti għad-disinn ta’ mafkar f’ġieħ il-ġgant tal-letteratura Maltija l-Professur Oliver Friggieri.
Fi stqarrija ntqal li b’din is-sejħa, dawk l-artisti interessati qed jiġu mistiedna jissottomettu disinn ta’ mafkar figurattiv tal-bronż li jonora l-memorja tal-Professur Friggieri.
Il-mafkar irid jitlesta fil-ħin biex jiġi inawgurat f’Novembru li ġej, meta l-Professur Oliver Friggieri jkun għalaq sena mejjet.
L-istil tal-iskultura figurattiva se jitħalla fil-prerogattiva tal-artist.
Il-parteċipanti jistgħu wkoll jipproponu l-post fejn skonthom il-mafkar għandu jitqiegħed. In-nefqa indikata għad-disinn u l-bini tal-mafkar hija ta’ madwar mitt elf ewro, kollox inkluż.
Il-proċess ser ikun ikkordinat mis-Sur Mario Cutajar, id-Direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta u s-Segretarju Permanenti Ewlieni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u Heritage Malta se tirċievi d-disinji x-xahar d-dieħel.
Il-ġurija appuntata mbagħad tagħżel dawk li fil-fehma tagħha jkunu l-aħjar disinji u dawk li jaslu fil-fażi finali jridu jippreżentaw abbozz biex imbagħad jintagħżel ir-rebbieħ.
L-artisti li jaslu fil-fażi finali se jingħataw premju li jikkonsisti f’somma flus.