Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qed jibqa’ jsostni l-pożizzjoni tiegħu li jrid referendum għall-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex, anki jekk il-Partit Nazzjonalista kien wegħda f’manifest elettorali, vvota favur il-proġett f’riżoluzzjoni fil-Parlament u sa ftit tal-ġimgħat ilu kiteb dwar il-ħtieġa ta’ link permanenti bejn iż-żewġ gżejjer fid-dokument ta’ qabel il-budget.
Skomdu jwieġeb fuq x’qaltlu l-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, li qalet li r-referendum issa mhux il-pass meħtieġ u l-kummenti tal-Kap tal-Oppożizzjoni ħolqu inċertezza, Bernard Grech infexx jattakka l-Gvern li anki ppubblika l-istudji kollha li saru, tant li anki fi stqarrija, il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija provdiet ħolqa għal dawk l-istudji li jista’ jaqrahom kulħadd bil-libertà kollha.
Ma’ Bernard Grech qablu deputati Nazzjonalisti oħrajn, fosthom anki Jason Azzopardi li kien minn ta’ l-ewwel li qabel ma’ Bernard Grech fuq referendum dwar il-mina.
Deputati oħrajn qalu li l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar il-mina dejjem kienet konsistenti anki jekk ftit xhur ilu l-Oppożizzjoni vvutat favur il-mina fil-Parlament u issa qed titlob referendum.
Id-deputat Għawdxi Joe Ellis, ukoll qabel mal-Kap.
Deputati oħrajn kienu skomdi jwieġbu b’mod ċar dwar x’irid il-Partit Nazzjonalista fuq il-mina.
Kien hemm deputat Nazzjonalista wieħed li mar kontra l-Kap Nazzjonalista u fakkar li l-Oppożizzjoni diġà suppost qabblet fuq il-mina.