L-Arkivji Nazzjonali għadu kif akkwista kollezzjoni fotografika li tmur lura għas-snin sittin, tal-ewwel foto-ġurnalist f’Malta, Karmenu Fava, magħruf minn kulħadd bħala ‘Charlie’.
Għal din il-preżentazzjoni tal-kollezzjoni fotografika kien hemm iben Karmenu Fava nnifsu li rringrazzja l-arkivji nazzjonali li qed ifakkru l-memorja ta’ missieru.
Ma’ dan l-istazzjon, Dr. Steve Borg mill-bord tal-arkivji nazzjonali stqarr li din il-kollezzjoni hija ritratt ta’ Malta fi żminijiet fejn kien għaddej tibdil sħiħ.
Spjega x’ħallilna Karmenu.
Qal kif, “Ħamsa u erbgħin sena ilu beda jiġbed is-swar, il-kappelli rurali ta’ Malta, l-imqades jew it-tempji tal-qedem, l-irdieden, l-arloġġi tax-xemx. Jiġifieri l-firxa tan-nies, ta’ sportivi kif ukoll temi storiċi hija kbira”.
Fava kien jieħu ritratti sportivi ta’ kull atleta u mhux biss dawk li jidru fil-gazzetti u b’hekk din il-kollezzjoni ħa jkollha eluf ta’ ritratti uniċi ta’ sportivi Maltin li possibilment, qatt ma dehru qabel.
Borg spjega li l-pass li jmiss huwa li issa r-ritratti jiġu kkurati fil-laboratorji biex imbagħad ikunu esposti għall-pubbliku.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, José Herrera saħaq fuq l-importanza tal-memorja kollettiva u rringrazzja lil Ray Fava, iben Karmenu Fava, tad-donazzjoni tiegħu.
Qal li, “Fil-verità aspett importanti tal-patrimonju Malti hija l-memorja kollettiva u huma l-arkivji. Infatti kienet idea tajba ħafna tal-gvern li jgħaqqad l-Arkivji Nazzjonali mal-Ministeru tal-Kultura. Għaliex jekk hemm xi ħaġa li hija ta’ kultura, hija l-aspett tal-arkivji fil-pajjiż u l-memorja kollettiva”