Matul din is-sena tal-pandemija infetħu sittax-il childcare centre ġdid.
Dan apparti li hemm żewġ ċentri oħra li qed jistennew li jkunu ċċertifikati biex ikunu jistgħu joperaw.
Dan ħareġ waqt laqgħa tal-kontijiet pubbliċi l-Erbgħa wara nofsinhar fejn kien diskuss is-servizz taċ-childcare.
Dr. Jacquiline Vanhear, Ufficjal fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni tat informazzjoni dwar dan is-servizz li bih il-familji jiffrankaw sa erbat elef ewro fis-sena.
Dr. Vanhear qalet illi Malta qegħda fost l-aqwa pajjiżi li joffru dan is-servizz minn fost l-istati membri tal-Unjoni Ewropea u li riċentement, delegazzjoni Awstrijaka kienet Malta biex tara kif taħdem is-sistema f’pajjiżna.
Qalet li ż-żieda sostanzjali taċ-childcare centres wasslu sabiex f’ħames snin biss, Malta tilħaq il-miri Ewropej rigward in-numru ta’ tfal li jattendu programmi ta’ childcare.
Vanhear sostniet li f’Malta jeżistu madwar mija u ħamsin ċentru, li kollha jiġu spezzjonati mill-inqas darba fis-sena sabiex jiġu assigurati livelli ffisati għall-ħarsien tat-tfal.