L-akbar sodisfazzjon fil-ħajja ta’ Pulizija, huwa meta azzjoni f’waqtha tgħin biex issalva l-ħajjiet.
Kliem is-Surġent Mark Cremona, li ma’ ONE News tkellem dwar esperjenza partikolari li se tibqa’ mnaqqxa f’qalbu u f’ħajtu f’sittax-il sena ħidma mal-Korp.
Qal kif, “L-iktar biċċa xogħol li tapprezza hija meta ssalva l-ħajja u niftakar darba ilu ftit żmien konna għadna l-mobile, kienet daħlet call li kien hemm persuna li kien ħarab bit-tifla tiegħu bil-ħsieb li jagħmel suwiċidju u dak iż-żmien konna intervjenejna sabiex insalvaw il-ħajja kemm tiegħu kif ukoll tat-tifla tiegħu.”
Lis-Surġent Cremona tkellimna miegħu hekk kif din il-ġimgħa jagħlqu l-applikazzjonijiet għall-kariga ta’ Kuntistabbli, u ħadd iżjed minn min miss mal-esperjejnza li tagħti l-ħajja fil-Korp, ma jista’ jitkellem dwar is-sodisfazzjon li tagħti l-ħajja bl-uniformi.
Is-Surġent spjega kif kienu sħabu li ħajruh isir Pulizija, u minn dakinhar ’l hawn qatt ma ħares lura għaliex ix-xogħol tiegħu, minkejja l-isfidi, jagħtih ukoll sodisfazzjon, speċjalment fl-aħħar xhur meta beda l-proġett tal-Pulizija fil-Komunità fis-Swieqi.
Spjega kif, “Malli nqumu filgħodu, il-main objective tagħna hu li nsolvu l-problemi tan-nies. Xi ħaġa interessanti ħafna li rajna kemm ilna li bdejna l-proġett tal-Community Policing hija li n-nies japprezzaw ħafna l-problemi żgħar ta’ kuljum meta jiġu riżolti.”
Fl-istess lokalità ltqajna wkoll mal-Kuntistabbli żagħżugħ Isaac Schembri, li ilu biss erba’ xhur fil-Korp.
Qal kif, “Li ħajjarni nidħol mal-Korp kien li ommi kienet fil-Pulizija diġà u qisni minn meta kont żgħir minn dejjem kont ispirat biex nidħol mal-Pulizjia.”
Isaac jistqarr li dan ix-xogħol diġà rawwem fih sens ikbar ta’ dixxiplina, u jixtieq li ’l quddiem ikompli jispeċjalizza u jissieħeb fit-Taqsima tal-Klieb.
Minkejja li ilu ftit xhur biss fil-Korp, Isaac qal li diġà ra qabża fil-mentalità ta’ kif in-nies iħarsu lejn il-Pulizija, għaliex filwaqt li sa ftit tax-xhur ilu, il-pubbliku kien imdorri jara lill-uffiċjali f’rondi fil-karozzi, issa qed jarahom qalb in-nies jimxu fit-triq u bir-roti.
Qal li, “Meta rawna li qed nagħtu l-input tagħna u qed nagħmlu minn kollox biex aħna nissodisfawhom, il-bidla hija kbira ħafna għax anki jafdawna iktar lill-Pulizija speċjalment fl-areas tagħna.”