Pakkett ta’ tmien kartolini b’risq il-Fondazzjoni MCCF
Bl-isem ta’ “Kartolina għall-Istrina, il-kumpanija MaltaPost qed tbigħ pakkett ta’ tmien kartolini b’risq il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund, ilkoll b’messaġġ partikolari.
Fl-uffiċċju tal-MaltaPost f’Ħal Qormi, l-uffiċjal tar-reklamar Mary Grace Farrugia, spjegat li l-Fondazzjoni avviċinat lill-kumpanija biex tgħinhom jirkupraw ftit mit-telf li sofriet kawża tal-pandemija tal-COVID-19.
Flimkien ħarġu b’inizjattiva biex il-qligħ kollu minn dan is-sett ta’ kartolini, imur għall-Fondazzjoni.
Tliet kartolini għandhom ritratt ta’ pitturi antiki li juru x-xena tan-nattività. Tlieta oħra huwa parti mill-kapolavur ta’ Giuseppe Calì li jinsab fil-koppla ta’ Ħal Lija filwaqt li t-tnejn l-oħra huma frott talent lokali.
Qalet kif, “Fil-bidu t’Ottubru konna ħriġna call biex artisti lokali jibagħtulna arti relatati mal-Milied u irċevejna erbgħin submission u għażilna tnejn minnhom.”
L-uffiċjal tal-MaltaPost spjegat li din mhix l-ewwel darba li l-kumpanija qed taħdem id f’id mal-Fondazzjoni li kontinwament tkun ta’ spalla għal persuni b’mard kroniku u b’diżabilità.
Għaldaqstant appellat biex min jixtieq jibgħat xi kartolina lil xi ħadd, jagħmel dan fl-istess waqt li jgħin lil min hu fil-bżonn.
Spjegat, “Din is-sena minħabba l-limitazzjonijiet tal-pandemija, il-Milied se jkun differenti mis-soltu, forsi se niltaqgħu inqas mal-ħbieb u l-familjari, però permezz ta’ dan is-sett ta’ kartolini, nistgħu nibagħtu messaġġi ta’ ferħ lill-familjari u l-ħbieb li forsi m’aħniex se narawhom, u min ikun qed jagħmel dan ikun qed jgħin ukoll lil min hu fil-bżonn.”
Is-sett “Kartolina għall-Istrina” jinsab għal bejgħ mill-Fergħat Postali kollha madwar Malta u Għawdex, online fuq www.maltapost.com/christmascards u mill-Palazz Presidenzjali fil-Belt u l-Palazz ta’ Sant Anton.