Il-Gvern, permezz tal-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija, għaddej b’diskussjonijiet dwar impjieg alternattiv għal min ġie affettwat mir-ristrutturar li qed isir fi ħdan il-kumpanija Evolution Gaming.
Dan wara li l-akkwist tal-kumpanija NetEnt wassal għall-għeluq ta’ xi linji tan-negozju f’Malta u pajjiżi oħra ta’ Evolution Gaming, u l-Gvern qed jaħdem biex jiffaċilita t-transizzjoni bla xkiel ta’ impjegati li jinsabu f’riskju li jitilfu xogħolhom b’riżultat ta’ dan ir-ristrutturar.
L-impjegati milquta jistgħu jirreġistraw għal impjieg alternattiv minn fuq is-sit ta’ Jobsplus http://jobsplus.gov.mt.
L-istess JobsPlus qed toffri servizz apposta ta’ appoġġ biex ikun identifikat xogħol alternattiv għal dawn il-persuni, u l-uffiċjali jinsabu f’kuntatt mat-tmexxija tal-kumpanija biex jikkoordinaw dan is-servizz.
Fl-istess waqt twaqqfet ukoll linja ta’ għajnuna fuq in-numru 22201251.
Il-Fondazzjoni Gaming Malta tinsab ukoll f’diskussjonijiet ma’ operaturi oħra tal-logħob li għandhom opportunitajiet ta’ xogħol.