Ġie miftuħ uffiċjalment l-uffiċċju tal-għajnuna legali fil-Belt Valletta, li fost oħrajn se jirċievu servizz minnu mingħajr ħlas, vittmi ta’ vjolenza domestika. Dan b’investiment ta’ wieħed punt erba’ miljun ewro fil-kirja tal-binja għal għaxar snin, manutenzjoni tal-uffiċini u ħlas tal-pagi għall-impjegati ta’ dan l-uffiċċju.
L-uffiċini ġew miftuħa uffiċjalment minn mart il-Prim Ministru, Dr. Lydia Abela flimkien mal-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis fid-dawl tas-sittax-il ġurnata ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika.
Il-Ministru Zammit Lewis spjega kif dan huwa investiment dirett fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika.
Qal kif, “Dan huwa investiment ta’ 1.4 miljuni fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika. Mhux biss dan il- bini, mhux biss l-investiment fir-running cost, l-investiment fin-nies, iktar impjegati pero wkoll, iktar avukati minn kompliment ta’ sitta, issa ser naslu għal kompliment ta’ sitta u għoxrin avukat b’minnhom bi speċjalizazzjoni fil-vjolenza domestika, kif ukoll sitt prokuraturi legali. Jiġifieri l-Gvern joffri kwalunkwe servizz biex min għandu l-kuraġġ illi jirrapporta, illi jitlob l-għajnuna, joħroġ minn din il-pjaga soċjali.”
Mart il-Prim Ministru Dr. Lydia Abela stqarret kif fil-professjoni legali tagħha ltaqgħet ma’ bosta każijiet fejn persuni li jkunu qed ibatu fis-skiet minħabba l-vjolenza domestika isibuha diffiċli biex iħallsu għas-servizzi legali u għalhekk l-investiment f’dan is-servizz huwa kruċjali.
Spjega li, “Jeżistu każijiet, fejn nisa, fejn partners li jinsabu għaddejjin minn vjolenza domestika, ħafna drabi isibuha diffiċli biex iħallsu lill-avukat, forsi minħabba l-fatt li huma finanzjarjament dipendenti fuq ir-raġel jew il-partner tagħhom, jew inkella għaliex isibuha diffiċli li juru lir-raġel li ser imorru għand avukat. Allura l-pass tal-lum juri kemm il-Gvern qiegħed iwettaq b’mod ċar mhux biss billi jilleġiżla l-liġijiet pero billi wkoll juża r-riżorsa umana biex jindirizza din il-pjaga soċjali.
Is-Segretarju Parlamentari għall-ugwaljanza u r-riformi, Rosianne Cutajar stqarret kif dan il-proġett kien fuq nett tal-aġenda tal-Ministeru hekk kif ser joffri soljev lil dawk kollha li jixtiequ jieħdu azzjoni kontra l-aggressur tagħhom u m’għandhomx biex iħallsu s-servizzi legali li għandhom bżonn.