Għal dan il-gvern, iż-żgħażaġħ se jkunu prijorità aktar minn qatt qabel.
Dan intqal mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli u mis-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima, waqt laqgħa mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ u l-Aġenzija Żgħażagħ.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li dan il-Gvern dejjem ra li jpoġġi liż-żgħażagħ fiċ-ċentru tal-politika tiegħu.
Qalet kif, “B’mod aktar tanġibbli aħna fil-verità nkunu qed inżewġu flimkien il-kelma inklużjoni mal-ħidma taż-żgħażagħ. Kien Gvern Laburista wkoll illi fis-snin li għaddew, propjament sentejn ilu għaddiet ir-riforma tal-Vot 16 u nħarsu ‘l quddiem għall-aktar ħidma flimkien favur iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.”
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal kif huwa skorett li jingħad li ż-żgħażagħ b’xi mod tħallew barra mill-politika ta’ dan il-Gvern. Saħaq kif kien u għadu responsabbli mill-qasam taż-żgħażagħ.
Spjega kif, “Iż-żgħażagħ se jibqgħu parti ċentrali f’dik li hija l-politika tal-Gvern. Aħna nemmnu li ż-żgħażagħ tabilħaq għaliex għandhom irwol ċentrali, għandhom importanza fis-soċjetà tagħna u allura se nkomplu nassiguraw li bħala gvern nagħtu l-għodda kollha neċessarja liż-żgħażagħ sabiex nassiguraw li jiżviluppaw b’mod sħiħ.”
Il-President tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ Chiara Vassallo saħqet kif il-ħidma se tibqa’ bħal qabel.
Qalet li, “Ikkonfermajna ser inkomplu naħdmu mas-Segretarjat kif ukoll mal-Aġenzija Żgħażagħ biex dejjem nassiguraw li ż-żgħażagħ jibqgħu prijorità u aħna se nkomplu nagħtu l-konsultazzjoni tagħna fuq iż-żgħażagħ x’għandhom bżonn f’Malta.”