Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija rreaġixxiet bil-qawwa għad-dikjarazzjoni li għamel nhar il-Ħadd il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, li saħaq li jeħtieġ isir referendum dwar il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex.
Meta issa l-proġett jinsab fi stadju ta’ għoti ta’ kuntratt għad-disinn u l-operat tal-mina, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal hekk.
Qal, “Kif diġa kelli l-opportunità ngħid fil-Parlament isir referendum bejn l-Għawdxin”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, Daniel Borg irrimarka li fuq dan il-proġett tal-mina bejn iż-żewġ gżejjer imxew ħafna l-affarijiet u saru studji li huma pubbliċi.
Qal li l-pass għal referendum mhuwiex il-pass meħtieġ issa.
Qal li, “Jekk inti toħroġ b’referendum dan il-punt wara li tkun imxejt daqshekk fuq proġett anki fejn inti qed tistieden lil bidders jitfgħu l-ideat tagħhom fuq dan il-proġett wara li sar daqshekk xogħol, aħna ma narawhx li huwa pass appropjat.”
F’kummenti ma’ ONE News, il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija fakkret f’riżoluzzjoni fil-Parlament, li kemm il-Gvern u l-Oppożizzjoni vvutat favuriha biex il-mina ssir.
Saħaq li m’għandekx titfa’ inċertezza b’kummenti dwar referendum fuq il-mina.
Spjega kif, “U kien hemm anki mozzjoni parlamentari li għaliha nirreferu fl-istqarrija, mozzjoni numru 233 tas-17 t’April, li fiha ż-żewġ partit qablu li dan il-proġett għandu jkompli sejjer u jsiru l-istudji kollha neċċessarji, aħna qed ngħidu li dan il-proġett għandu jkompli. M’għandekx titfa’ inċertezza fuqu issa.”
Daniel Borg saħaq fuq il-ħtieġa ta’ konnettività permanenti bejn Malta u Għawdex mhux biss fuq livell ekonomiku iżda anki soċjali.
Qal li l-popolazzjoni Għawdxija qed tixjieħ u jeħtieġ li ż-żgħażagħ ikollhom għażla libera li jagħżlu jmorru jgħixu fil-gżira tat-tliet għoljiet mingħajr ma jkollhom kundizzjonijiet li jxekkluhom.
Saħaq li f’dawn l-aħħar snin sar ħafna xogħol biex titjieb l-konnettività bejn Malta u Għawdex iżda l-mina kapaċi tneħħi l-iżbilanċ bejn l-ekonomija Maltija u dik Għawdxija.
Qal kif, “Ir-raba’ vapur għen fil-konnettività imma qatt m’huwa konnettività permanenti, is-servizz dejjem jista’ jiġrilu xi ħaġa. Il-permanent link minn isimha stess, link permanenti, link li lil Għawdex se tgħinu jegħleb l-isfidi.”
Il-Partit Nazzjonalista, illum immexxi minn Bernard Grech kien saħansitra wiegħed il-proġett tal-konnettività permanenti bejn Malta u Għawdex fil-programm elettorali tiegħu, bħal ma kien għamel il-Partit Laburista, li kiseb mandat b’saħħtu mill-elettorat.
Sa ftit tal-ġimgħat ilu, meta Bernard Grech kien diġà Kap, il-Partit Nazzjonalista ppubblika d-dokument ta’ qabel il-budget, li fih saħaq fuq il-ħtieġa ta’ konnettività permanenti bejn iż-żewġ gżejjer iżda issa l-Kap tal-Oppożizzjoni għamel u-turn enormi, bil-Partit Laburista kien saħaq li Bernard Grech iddeċieda li dwar il-mina ma jiddeċidix.