Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien ma’ martu Lydia Abela niedew investiment privat ta’ €25 miljun fis-settur tal-kura tal-anzjani. Dan l-investiment mistenni joħloq 100 post tax-xogħol.
L-investiment qed isir fiċ-Ċentru ta’ Arrigo Group of Hotels Limited, f’San Ġiljan, li jagħmlu parti mill-kumpanija Villa Anna Teresa Holdings Limited.
Din il-Villa se tkun qed tilqa’ fiha 116-il sodda residenzjali u l-Grupp Villa Anna Teresa se jkun qed joffri numru ta’ servizzi fosthom ta’ kura fir-residenzi tal-anzjani.
Mal-ftuħ ta’ din id-dar se jiġu offruti servizzi ta’ għixien indipendenti u assistit u ċentru għal matul il-jum li jista’ jintuża minn persuni li jbatu mid-dimensja.
Il-Prim Ministru Robert Abela, qal li dan l-investiment għandu tifsira importanti ħafna għal gvern għaliex jemmen fis-settur privat, fil-bżulija tal-ħaddiema u fuq kollox fuq is-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Barra minn hekk, semma wkoll l-investiment li ssemma fil-budget għas-sena d-dieħla fejn se jestendi l-estensjoni ta’ tnaqqis fir-rata tat-taxxa tal-boll dovuta lill-gvern għat-trasferiment tan-negozju tal-familja. Miżura li fl-aħħar tliet snin diġà ffrankat mat-€23 miljun ewro lin-negozji.
Żied jgħid ukoll li is-sena d-dieħla l-gvern se jinvesti rekord ta’ €199 miljun, fejn €45 miljun u €40 miljun minnhom se jkunu allokati għal xiri ta’ sodod għall-djar tal-anzjani privati.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp Villa Anna Teresa, Brian St John qal li d-deċiżjoni riċenti mill-Prim Ministru li s-settur tal-anzjani jiġi elevat għall-ministeru hija deċiżjoni għaqlija.
Preżenti għat-tnedija kien hemm ukoll il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia.